Hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li s-Sibt 26 ta’ Marzu se jmur quddiem il-poplu biex dan jiddeċiedi min irid imexxih għall-ħames snin li ġejjin, il-President ta’ Malta George Vella ntalab ixolji l-Parlament u ġie ffirmat ir-Writ biex formalment tiġi organizzata l-elezzjoni.
Ma’ dan ir-Writ skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, fi żmien ħamest ijiem, jinħareġ reġistru tal-votanti rivedut li fih jiġu inklużi l-persuni eliġibbli li jivvutaw.
Dawn ikunu dawk li jkunu se jagħlqu is-16-il sena sa lejlet jum il-votazzjoni.
Wara l-Kummissjoni Elettorali tistampa d-dokumenti tal-votazzjoni fuq il-bażi ta’ dan ir-reġistru rivedut u tqassamhom lill-votanti fl-indirizzi reġistrati fuqhom.
Il-Kummissjoni Elettorali mbagħad teżegwixxi il-funzjonijiet organizzattivi u amministrattivi meħtieġa biex tiżgura li l-elezzjoni ssir kif suppost.
L-elezzjoni ġenerali ssir b’sistema elettorali li ilha teżisti mill-1921 u kkonfermata minn diversi Kostituzzjonijiet.
Is-sistema elettorali hija dik ta’ rappreżentanza proporzjonali bil-vot singlu trasferibbli magħrufa aħjar bħala single transferable vote.
Permezz ta’ liġi li għadda Gvern Laburista s-sena li għaddiet, din l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li ġej se tkun qed teleġġi fil-Parlament, rappreżentanza iżjed ugwali tas-sessi.
Dan ifisser li minn wara l-elezzjoni li ġejja, is-sess l-inqas rappreżentat fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, fil-każ ta’ bħalissa n-nisa, se jkollu kważi rappreżentanża ugwali daqs l-irġiel.
Il-gżejjer Maltin huma maqsuma fuq 13-il distrett u minn kull distrett jiġu eletti d-deputati.