Fil-Ġimgħa l-Kbira, qabel l-Adorazzjoni tas-Salib tat-tlieta ta’ waranofsinhar, fil-Knisja ta’ San Duminku fil-Birgu saret tradizzjoni antika u unika f’pajjiżna.
Wara l-Via Sagra, li daret l-erbatax-il stazzjon, il-patrijiet Dumnikani flimkien mal-Frattellanza tar-Rużarju, niżżlu l-figura ta’ Ġesù msallab minn fuq is-salib.
Il-Pirjol tad-Dumnikani fil-Birgu spjega kif din it-tradizzjoni tmur lura għas-snin tletin, meta Patri Nerik Vella kien ikkummissjona dan il-kurċifiss.
Qal, “Li għandu, mhux tas-soltu u oriġinali ħafna huwa li l-idejn għandu ġogi tal-ispallejn li jiċċaqalqu. Jiġifieri anke dawn li jieħdu ħsieb l-armar u hekk joqogħdu attenti biex iniżluh u narmawh għax matul ir-Randan ikun fuq l-armar maġġur, matul ir-Randan kollu u l-idejn jiċċaqalqu u interessanti ħafna li meta jinżel minn fuq is-salib huwa jiġi dak li jiġi monument, Kristu Mejjet. Jiġifieri dan filli qed tarah fuq is-salib, filli imbagħad tarah fuq sodda bħala Kristu Mejjet.”
Il-Pirjol kompla jispjega kif wara li jitniżżel, jitpoġġa f’lizar u jinġarr mill-patrijiet san-naħa tax-xellug tal-artal maġġur, fejn jirrappreżenta ’l-Kristu Mejjet.
Dan il-kurċifiss salva wkoll mit-tifrik tal-bombi tal-gwerra, anki jekk il-Knisja ġarrbet ħsarat kbar.
Il-Pirjol tkellem dwar tradizzjoni oħra marbuta ma’ dan il-kurċifiss, li x-xbieha ta’ Kristu Msallab titlibbes ta’ saċerdot.
Qal kif, “Din miliex li jitlibbes ta’ saċerdot biex juri li Kristu huwa bħala saċerdot, li offra lilu nnifsu fuq is-salib imma ovvjament fil-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira narawh kif inhu oriġinarjament.”