It-Tlieta filgħodu, fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, ingħata l-ewwel vaċċin kontra l-Covid-19 fil-gżira Għawdxija.
L-ewwel tilqima ħaditha Felicienne Cini, infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
L-infermiera spjegat kif inbidlet il-ħajja tagħha u tal-professjonisti mediċi l-oħra fl-aħħar xhur, u allura l-importanza tal-vaċċin.
Hija stqarret: “F’dawn l-aħħar xhur kellna nadattaw għal realtà differenti, kellna nużaw ilbies protettiv biex naħdmu mal-pazjenti tagħna, però ħdimna id f’id bħala tim flimkien ma’ tobba, nurses sħabi u carers, u tajna l-100% lill-pazjenti tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-istrateġija tal-Gvern biex jitlaqqam il-poplu Għawdxi u Malti miexja kif ppjanat, biex fiż-żmien mhux ’il bogħod, nerġgħu lura għan-normalità u ngħixu s-sabiħ tal-ħajja.
Huwa qal li wasalna s’hawn għax konna magħqudin u ffukati, u wiegħed aktar ħidma biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem li jerġa’ jaqbad it-triq tas-suċċess.
Intant, l-infermiera Għawdxija appellat biex kulħadd jieħu l-vaċċin: “Kulħadd jixtieq jerġa’ jmur għan-normalità, kulħadd jixtieq jerġa’ jgħannaq lill-familja, kulħadd jixtieq jerġa’ jsiefer allura l-vaccine huwa l-way forward biex nerġgħu lura għan-normalità.”
It-tilqim f’Għawdex isegwi l-ewwel tilqim f’Malta li beda l-Ħadd filgħodu, u miexi skont il-pjan tal-awtoritajiet tas-saħħa li tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-21 ta’ Diċembru.