Ġie inawgurat l-uffiċċju ġdid tal-LGBTIQ+ Gozo fir-Rabat Għawdex, imsemmi Qawsalla Hub. Dan l-uffiċċju se jkun qiegħed jilqa’ fi ħdanu din l-organizzazzjoni li toffri servizzi lill-Għawdxin li jiffurmaw parti mill-komunità LGTBIQ.
Hawn intqal kif dan l-uffiċċju huwa utli sabiex l-Għawdxin ukoll ikollhom ċentru fejn ikunu jistgħu iħossuhom komdi jitkellmu dwar l-identità tagħhom.
Waqt il-ftuħ tal-uffiċċju, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri sostna li dan l-investiment huwa wieħed utli għall-Għawdxin, hekk kif jagħti servizzi mingħajr ħlas, fosthom counselling.
Huwa qal kif dan il-Gvern jemmen fl-ugwaljanza bil-fatti, u li dan l-uffiċċju jirrifletti l-appoġġ tal-Gvern lejn il-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna. Il-Ministru temm jgħid li l-gżira ta’ tliet għoljiet qed tipprepara wkoll għall-Euro Pride tal-elfejn u tlieta u għoxrin.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonniċi tenna li jħares lura lejn il-kisbiet ta’ pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ b’sodisfazzjon, iżda qal li issa huwa d-dmir tal-Gvern li jkompli jibni fuq dawn il-kisbiet.
Sostna li bil-kisbiet ta’ pajjiżna jistgħu qiegħdin jieħdu eżempju pajjiżi oħra, b’mod speċjali dawk il-pajjiżi li għadhom m’għarfux il-valur tad-diversità u għadhom jiddiskriminaw kontra persuni LGBTIQ+.