Inawgurat il-kampus il-ġdid tal-Istudji Turistiċi f’Ħal Luqa. Dan il-kulleġġ li huwa mgħammar b’għaxar kċejjen b’żieda fl-apparat tal-aqwa teknoloġija, laboratorji, u klassijiet għal tal-apposta, ser jitgawdew mill-1,000 student, fosthom 260 barrani, li bħalissa hemm jistudjaw f’din l-istituzzjoni li tħejjihom għal din l-industrija ewlenija għall-ekonomija Maltija.
Il-kulleġġ il-ġdid se jiffaċilità ħajjet l-istudenti u l-akkademiċi għall-fatt li se jiġbor kollox taħt saqaf wieħed.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech, fejn qal li permezz ta’ dan il-kampus, l-istudenti ser ikollhom esperjenza ta’ studju ferm aħjar. Qal li “Dawn il-faċilitajiet kollha se jgħinu biex jagħtu l-aħjar taħriġ lill-istudenti tagħna. L-għan hu li ndawru dan l-istitut f’hub fil-Mediterran ta’ eċċellenza fl-Istudji Turistiċi. Mhux qed naraw biss il-bini, imma mportanti li tinvesti fir-riżorsi umani u fl-eċċellenza”.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti Tony Zahra qal li permezz ta’ dan l-Istitut, aktar studenti se jitħarġu bl-aqwa mod f’dan is-settur tant importanti għall-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna:
“Il-ħin kollu għandna supply ta’ nies li huma mħarrġa li ġejjin jaħdmu magħna. Importanti li jkollna l-ITS u li jkollna nies imħarrġa fis-settur turistiku, li huwa l-iktar ħaġa importanti għall-pajjiż”.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. Huwa rrimarka li dan huwa l-bidu sabiex Malta tkompli timxi l-quddiem fl-industrija turistika.
B’rabta mal-proġett ta’ Smart City, il-Ministru semma li ġew iffinalizzati l-pjanti u d-disinji kollha. Qal li l-pass li jmiss huwa li l-ftehim mal-kumpanija ta’ Dubai biex jagħtu lura l-art minn Smart City għall-Gvern.
Il-Ministru Mizzi qal li l-proġett ta’ Smart city huwa kunċett differenti fejn se jkun hemm lukanda immexxija mill-istudenti.