Illum huwa l-aħħar jum ta’ votazzjoni fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’każini Nazzjonalisti u fid-Dar Ċentrali għaddejja l-votazzjoni li tagħlaq fl-4pm.
Skont il-Kummissjoni Elettorali tal-partit, sal-bieraħ kienu vvutaw iżjed minn tliet kwarti tat-tesserati eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni kontestata mill-Kap Adrian Delia u Bernard Grech.
Fil-fatt il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista qal li sal-jum tal-Ġimgħa vvutaw 76% tat-tesserati.
F’din l-elezzjoni hemm 21,499 tesserat eliġibbli biex jivvutaw.
F’din l-elezzjoni spikka l-ġlied bejn iż-żewġ fazzjonijiet u l-battuti politiċi kienu aktar fuq in-nuqqasijiet fiskali u l-allegazzjonijiet serji fuq ras iż-żewġ kandidati, aktar milli fuq temi nazzjonali bħall-ambjent, l-ekonomija u l-immigrazzjoni.
Din l-elezzjoni ġejja wara li għall-Partit Nazzjonalista kien sajf jaħraq ieħor fosthom, b’voti ta’ sfiduċja f’Delia min-naħa tad-deputati ribelli, il-kumitat eżekuttiv u finalment il-biċċa l-kbira tal-membri tal-Kunsill Ġenerali għażlu t-triq ta’ elezzjoni ġdida għal Kap Nazzjonalista flok vot ta’ konferma f’Adrian Delia biss.
Minn hawn bdiet tellieqa, bil-fazzjoni ta’ Simon Busuttil iżżomm lil Therese Comodini Cachia, li ħarġet għonqha biex tkun Kap tal-Oppożizzjoni, biex tikkontesta u anki nżammet Roberta Metsola milli titfa’ isimha.
Minflok, il-fazzjoni ta’ Busuttil imbuttat lil Bernard Grech biex ikun il-kandidat tal-establishment.
Is-sondaġġi li saru fil-bidu tal-kampanja kienu favur iżjed Bernard Grech madankollu meta sar magħruf li huwa kellu eluf ta’ ewro fi ħlasijiet pendenti mad-Dipartiment tat-Taxxa u tal-VAT, il-kampanja ta’ Grech ħadet daqqa ta’ ħarta.
Bernard Grech kontinwament beda jiddefendi ruħu u saħansitra anki organizza kampanja ġbir ta’ fondi msejħa crowd funding.
Saħansitra l-midja indipendenti żvelat ukoll li ma kienx iddikjara €32,000 fi flus li daħħal talli laqa’ għandu studenti barranin li kienu ġew f’pajjiżna biex jistudjaw l-Ingliż.
Hawnhekk Grech kien tefa’ t-tort fuq l-iskola tal-istudenti.
Min-naħa l-oħra, Adrian Delia ħareġ jgħid li r-rapport tad-due diligence fuqu tah ċertifikat tajjeb u li l-allegazzjonijiet fuqu, li anki ssemmew minn deputati Nazzjonalisti, huma kollha gideb.
Dan qalu anki jekk it-tliet persuni li ħadmu fuq id-due diligence tal-kandidati lmentaw li meta ġew biex jgħarblu ż-żewġ kandidati għat-tmexxija Nazzjonalista ma kellhomx biżżejjed riżorsi biex iqabbdu professjonisti oħra biex b’mod indipendenti jivverifikaw dak li qalu Adrian Delia u Bernard Grech infushom.
Qalu li fid-dawl li huma ma humiex xi awtorità regolatorja, ma kinux f’pożizzjoni li jitolbu informazzjoni minn xi entità lokali jew barranija.
B’hekk huma kellhom jistrieħu ħafna fuq l-informazzjoni li ġiet mill-organi tal-istess partit u miż-żewġ kandidati infushom.
Fil-fatt anki dwar Bernard Grech, it-tliet persuni li wettqu d-due diligence qalu li dan ma tax l-istampa kollha dwar is-sitwazzjoni fiskali tiegħu fejn għamel snin twal ma jħallas it-taxxa dovuta.
L-inkwiet f’din l-elezzjoni qam ukoll fuq dibattitu li kellu jsir bejn iż-żewġ kandidati.
Iż-żewġ timijiet tal-kampanji spiċċaw jiġġieldu hekk kif sar magħruf li t-tim ta’ Bernard Grech kellem ġurnalista tax-xandir nazzjonali li oriġinarjament intgħażlet biex tmexxi d-dibattitu.
Dan wassal għall-kundanna anki tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, Adrian Delia akkuża lil Bernard Grech li prova jinfluwenza u jimmanipula d-dibattitu wara li tant irreżista li dan id-dibattitu jsir.
Finalment sar dibattitu wara li kienu diġà vvutaw nofs it-tesserati, b’naħa ssikket lil oħra u mimli battuti xejn kumplimentużi bejn iż-żewġ kandidati li qed jaspiraw li jmexxu l-partit u jokkupaw kariga Kostituzzjonali, dik ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.