Fi ftit aktar minn 28 siegħa, l-għawwiem u attivist ambjentali Neil Agius kiser ir-rekord nazzjonali meta għam b’suċċess minn Ragusa fi Sqallija lejn Malta.
Huwa t-tieni għawwiem Malti li rnexxielu jtemm din l-isfida b’suċċess.
Huwa daħal fil-bajja tal-Balluta ftit minuti wara d-disgħa tal-Ġimgħa filgħodu, wara għawma xejn faċli li għamilha biex iqajjem kuxjenza dwar l-ambjent.
Kienu mijiet li nġabru biswit il-pitch tal-waterpolo f’San Ġiljan, li laqgħuh b’entużjażmu u ċapċip kbir fosthom qraba, ħbieb u anki l-kelb tiegħu.
Tkellimna ma’ Neil ftit wara li tela’ mill-baħar, meta kkalma xi ftit, ġie eżaminat mit-tobba u anki kkurat minħabba gdim ta’ bram li laqqat tul l-għawma.
Huwa stqarr: “Tajjeb ta’, ħa nara what I’m gonna do next, super overwhelmed by the amount of people and the press and everything, but it’s nice.”
Staqsejnieh liema kienu l-aktar mumenti ta’ sfidi tul l-għawma: Huwa wieġeb: “Bejn l-erbgħa u l-ħamsa ta’ filgħodu ta’, kont qed inħoss ħafna bard ma kienx każ li kont ħa nieqaf imma minn hawn jew minn hemm kont ħa nasal jiġifieri anki b’id waħda imma kont ħa nasal żgur.”
Il-kowċ tal-għawm daħal għal din l-isfida biex iqajjem aktar għarfien dwar it-tniġġis fil-baħar u biex iħeġġeġ lill-pubbliku jieħu ħsieb il-ħlejjaq tal-baħar.
Huwa qal: “I just want to inspire people to want to be better, especially for the environment. The sea is so beautiful and if they get to experience it how I experienced it, they will want to respect it more.”
ONE News ħa l-kumment ukoll ta’ omm Neil, li stqarret li meta qalilha x’kellu f’moħħu li jagħmel, ma ħaditx pjaċir u nkwetat imma xorta tatu l-appoġġ li kellu bżonn.
Hija stqarret magħna: “I wasn’t very amused, I really didn’t think he should do such a thing. I know he trains very hard and he’s very diligent in how he approaches these swims but still it’s quite daunting and very scary.”
Il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lil Neil għas-suċċess tiegħu fl-għawma li għamel bejn Sqallija u Malta. Sostna li għandna naħdmu favur il-messaġġ wara din l-għawma biex ilkoll nagħmlu sforz u naħdmu għal ambjent isbaħ biex ikollna għada aħjar. L-istess sentiment qasmu wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/06/26/ara-meta-neil-sabha-l-aktar-difficli-fl-ghawma-bejn-sqallija-u-malta/
https://www.one.com.mt/2020/06/25/neil-agius-jibda-l-ghawma-tieghu-bejn-sqallija-u-malta/