Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo ġabha bi tqila biex jgħid jekk għandux fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Arrigo, wieħed minn dawk b’karigi għoljin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista staqsejnih b’mod dirett dwar jekk għandux fiduċja f’Delia.
Meta ċempilnilu għidnilu li qed nirrekordjawh, b’Robert Arrigo, li suppost huwa ta’ spalla għal Delia bħala Viċi Kap, ma qalilniex jekk għandux fiduċja fil-Kap.
“Għad għandek fiduċja fil-Kap Adrian Delia.”
“Dak narah jiena fil-grupp parlamentari.”
Robert Arrigo, li jiftaħar li ma kienx appoġġja lil Adrian Delia fl-elezzjoni għall-Kap, tliet snin ilu iżda imbagħad kif intgħażel Delia huwa wera l-lealtà inkundizzjonata tiegħu lejn il-Kap, issa qalilna li mhux komdu jirrispondina dwar jekk għandux fiduċja fil-Kap Nazzjonalista.
“Jiġifieri m’intix komdu li tgħidilna iva li għandek fiduċja fil-Kap Adrian Delia… qed tgħidli biss.”
“M’iniex komdu, m’iniex komdu li nirrispondik fuq affarijiet tal-partit interni jekk mhumiex f’parliamentary group. Nispera li nkun ċar.”
Huwa sigriet magħruf li Delia beda jitlef l-alleati tiegħu.
Il-fatt li Herman Schiavone u Kristy Debono dehru deħlin għal-laqgħa tal-Ħadd li ssejħet mingħajr il-Kap uriet kif il-fazzjoni Delia tilfet xi membri fil-grupp parlamentari, madankollu n-nies li għadhom qrib Delia qed isostnu li l-Kap mhux se jċedi u fakkru fin-nies, it-tesserati, li huma wara l-Kap u li mhux lesti jħallu ż-żiemel tagħhom jitwarrab.
Robert Arrigo huwa figura meqjusa qrib il-Kap Adrian Delia.
Kien wieħed li meta fi Frar ħabbar li se jirriżenja, il-Kap Adrian Delia mar fil-każin Nazzjonalista tal-Mellieħa u għamillu eloġju sħiħ.
Arrigo stess, meta kien qal se jirriżenja kien iddikjara li d-deputati Nazzjonalisti tal-fazzjoni Busuttil spiċċaw kissru partit għax riedu jkeċċu lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Arrigo kien akkuża lid-deputati Nazzjonalisti li bl-azzjonijiet tagħhom kissru partit inkluż ir-responsabbiltà li jkun hemm biżżejjed dħul biex ikunu sostnuti l-pagi tal-ħaddiema tal-istamperija.
Madankollu wara r-rapport tat-Times tal-Ħadd li għadda, li wera komunikazzjoni kontinwa bejn Delia u s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, l-affarijiet bdew iduru.
Dan anki għaliex il-komunikazzjoni inkwistjoni saret wara li sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u għalhekk bosta deputati Nazzjonalisti kienu bir-ragħwa f’ħalqhom għaliex Delia gideb wara ftit jiem li qal li ma setax jagħti dati ta’ meta ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech.
Robert Arrigo ma kienx preżenti għal-laqgħa tal-Ħadd li imbagħad Delia spiċċa daħal fiha wara tliet sigħat mingħajru.
F’din il-laqgħa, li fiha kien hemm numru mdaqqas ta’ deputati, sar att ta’ sfida diretta lejn il-Kap għaliex ftit qabel Delia kien qal li se jlaqqa’ grupp parlamentari aktar tard din il-ġimgħa.
Fil-jum tat-Tnejn, ONE News kien f’pożizzjoni li jiżvela li numru ta’ deputati kkonfoffaw ma’ nies b’karigi għoljin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap.
Dawn il-laqgħat saru bejn bosta deputati minn wara dahar il-Kap Adrian Delia u kien hemm uħud li qalulna li din hija azzjoni ċara ta’ tradiment kontra l-Kap.
ONE News żvela wkoll li d-deputati diġà għandhom isem ta’ min jieħu post Adrian Delia u dan huwa wieħed minn fost il-membri parlamentari Nazzjonalisti iżda min-naħa l-oħra, in-nies qrib Delia qalu li lill-Kap jistgħu jagħmlulu bsaten fir-roti kemm iridu iżda mis-siġġu tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista mhux se jqajmuh jew wisq iżjed iċaqilquh.