Il-gazzetta KullĦadd żvelat fil-ħarġa tal-lum li lbieraħ tard waranofsinhar il-Pulizija intensifikaw b’saħħa l-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-qtil taċ-ċikonji, li huma għasafar protetti, fl-inħawi tar-Rabat u ta’ Ħad-Dingli.
Il-Birdlife qalet li nqatlu erba’ ċikonji, aħbar li ġabet ukoll il-kundanna tal-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu li ddiżassoċjat ruħha minn dan l-aġir. Iżda, iktar minn hekk jirriżulta li l-awtoritajiet ħadu l-każ b’serjetà kbira u fost żviluppi importanti fl-investigazzjonijiet kien hemm l-għajnuna tal-pubbliku.
Fl-inħawi tar-Rabat u ta’ Ħad-Dingli lbieraħ il-Pulizija għamlu tiftix intensiv f’sinjal ċar li mhux se jippermettu abbużi ta’ dan it-tip. Fl-aħħar sninn pajjiżna ħarrax bil-kbir il-multi għal dawn it-tip ta’ reasti u mhux darba u tnejn kien hemm min sab fuqu l-id iebsa tal-ġustizzja.
Intant, kienu madwar 18-il ċikonji li dehru fuq pajjiżna, bil-midja soċjali timtela bir-ritratti sbieħ tagħhom.