Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal raġel li allegatament wettaq hold-up armat f’ħanut tal-merċa fi Triq l-Oratorju f’Bormla.
Ir-raġel, li daħal mgħammad u armat b’sikkina, ħarab b’ammont ta’ flus kontanti, wara li talab il-flus lill-kaxxiera, mara ta’ 61 sena minn Marsaxlokk.
Xhieda fuq il-post qalu ma’ dan l-istazzjon li r-raġel, li kien liebes kollu iswed, intlemaħ jiġri minn taraġ għal fuq il-bjut tar-residenzi tal-Housing Estate tal-Verdala f’Bormla. Minn hawn il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, dawk tat-Taqsima tar-Reati Maġġuri flimkien ma’ tad-Distrett ta’ Bormla skattaw b’operazzjoni ta’ tfittxija għall-allegat ħalliel fl-inħawi tal-madwar, liema tfittxija sa issa rriżultat fin-negattiv.
Is-sid tal-ħanut flimkien ma’ bosta persuni li joqgħodu f’dawn l-akwati ntlemħu wkoll fuq il-post jagħtu xi informazzjoni lill-Pulizija. Kien għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ waranofhinar li l-Pulizija daħlitilhom rapport dwar dan il-każ.
Ħadd ma weġġa’ f’din is-serqa.
Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej.