Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Glasgow fl-Iskozja għal konferenza globali tal-COP26, li se tiddiskuti t-tibdil fil-klima.
Din il-konferenza globali, li għaliha qed jattendu mexxejja minn madwar id-dinja qed titqies bħala l-mument tal-verità għad-dinja.
Mal-wasla tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ġie milquħ mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres.
F’artiklu fuq il-gazzetta MaltaToday tal-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta għażlet it-triq tad-dekarbonizzazzjoni bħala wieħed mill-pilastri fil-viżjoni ekonomika tagħha.
Fisser kif din il-konferenza tal-COP26 toffri opportunità biex it-theddida tat-tibdil fil-klima tinbidel f’raġġ ta’ tama għall-ġenerazzjonijet tal-lum u t’għada.
Il-Prim Ministru Malti se jkun qed jindirizza l-konferenza għada.