Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tkun imnedija White paper għal konsultazzjoni sabiex jiġi regolat l-użu responsabbli tal-Kannabis f’pajjiżna.
Waqt mistoqsijiet mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-fatt issa hemm pjanijiet sabiex fuq livell ta’ Kabinett jibdew id-diskussjonijiet dwar l-emendi fuq din il-liġi.
Saħaq li issa wasal iż-żmien sabiex jittieħdu passi konkreti sabiex jiġi evitat li ħafna żgħażagħ u persuni li jagħmlu użu responsabbli minn din is-sustanza jgħaddu minn inkwiet żejjed.
“Bħalissa għandna sitwazzjoni ta’ depenelisation sa ammont ta’ 3.5g. Qed nitkellmu fuq li l-ammont jiżdied ftit min hekk u min ikun f’dak il-pussess tal-ammont jiġifieri dak l-ammont miżjud li qed nitkellmu dwaru llum ma jitressaqx quddiem id-Drugs Tribunal.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll li ser jiġi diskuss d-dritt li persuna tkun tista’ tkabbar hi l-kannabis f’ammonti żgħar għall-użu personali u responsabbli.
“Qed nitkellmu wkoll imbagħad dwar id-dritt jekk ikollokx tkabbar numru ta’ pjanti li mhux se jkun wieħed eċċessiv imma nemmen li din hija t-triq ’il quddiem.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq ir-responsabiltà u l-bilanċ.
“Però irridu nkunu responsabbli wkoll jiġifieri mhux ngħidu li mmorru minn estrem għall-ieħor. Ma nemminx fl-estremitajiet imma nemmen fil-bilanċ.”