Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella ltagħqu mar-Reġina Eliżabetta t-Tieni fil-Palazz ta’ Buckingham, f’Londra.
Fi tmiem il-laqgħa, il-President Vella qal li r-Reġina kienet ottimista dwar it-tibdil ekonomiku, soċjali u politiku li sar f’pajjiżna li għadu ferm għal qalbha.
Il-President Vella stqarr: “Kienet ċara li hi interessata biex tkun taf x’inhu għaddej f’Malta, is-sitwazzjoni ta’ kif inhi llum. Ħadet gost tisma’ bit-tibdil li sar, jiġifieri t-tibdil ekonomiku, tibdil soċjali anke t-tibdil politiku għaliex le, u turik ċar illi torbot u tiftakar ma’ dak li esperjenzat kemm-il darba li kienet Malta matul is-snin.”
Il-President kompla jgħid li r-Reġina għandha memorji friski dwar Malta, pajjiż li r-rabta tagħha miegħu tmur lura għall-1949 meta l-Prinċep Philip kien stazzjonat Malta mar-Royal Navy.
“Li kien interessanti għalija kien li tiftakar ċar ħafna affarijiet u anke ismijiet ta’ prim ministri li ħadmet magħhom u li kellha x’taqsam fiż-żmien twil li Malta kienet kolonja tal-Ingilterra u anke wara ż-żmien”, sostna l-President Vella.
Il-President Vella qal li waqt il-laqgħa kordjali, r-Reġina Eliżabetta tkellmet dwar pajjiżna b’imħabba b’mod partikolari dwar iż-żjajar li għamel f’Malta anke meta ġiet tgħix Malta bħala prinċipessa fi Gwardamanġa.
Il-President ippreżenta lir-Reġina prodotti Għawdxin. Huwa qal: “Tellajnielha hamper kbir b’ħafna affarijiet tajbin minn Għawdex. U qaltli dan x’inhu, speċi dan l-amont ta’ affarijiet, u jien għeditlha those are goodies from Malta u riedet tkun taf, bdejna nqalbu ġo fih u tara l-ġbejniet u tara l-għasel, hija xi ħaġa li tara li she’s relaxed and she’s enjoying it. Jiġifieri dik it-tip ta’ laqgħa kienet.”
Matul iż-żjara tagħhom f’Londra l-President u s-Sinjura Vella kellhom ukoll laqgħa mal-Prinċep ta’ Wales Charles fi Clarence House.