Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li ġaladarba s-sentenza dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet tkun waħda definittiva, jiġifieri wara li tkun deċiża fi stadju ta’ appell eventwali, il-Gvern se jkun qed jieħu l-passi permessi mil-liġi sabiex jiġi protett l-interess nazzjonali.
Dr Abela kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara dibattitu fil-Parlament li fih ġiet diskussa mozzjoni għall-ħatra ta’ Ombudsman u fejn inħatru b’voti fil-Parlament, l-istess Ombudsman ġdid, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.
Għall-mistoqsija ta’ ġurnalista, Dr Abela rrefera għal diskors li kien għadu kif għamel fil-Parlament u qal li huwa jippretendi li l-Oppożizzjoni tingħaqad mal-messaġġ tiegħu, jiġifieri li mhuwiex aċċettabbli li tliet xhur wara l-mewt fatali ta’ Jean Paul Sofia, Maġistrat Inkwirenti għadha ma għalqitx il-proċess verbal biex ikunu jistgħu joħorġu l-akkużi kontra min huwa responsabbli.