Il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-importanza tal-osservanza tar-regolamenti u d-dixxipina partikolarment b’rabta ma’ persuni li qed jgħixu f’pajjiżna kawża ta’ immigrazzjoni kemm regolari u rregolari.
Huwa qal dan waqt intervista fuq il-programm Sibt il-Punt hekk kif aċċenna wkoll għall-importanza tal-infurzar tal-liġijiet u tenna li min qiegħed f’pajjiżna jrid iġib ruħu sew bl-istess mod għall-Maltin u l-Għawdxin li jimxu mal-qafas ta’ regolamenti li jgħoddu għal kulħadd.
Qal, “Jekk inti ġejt ġewwa pajjiżna għax hemm ħtieġa, trid timxi b’mod mill-iktar ċar mar-regolamenti tal-pajjiż, mal-liġijiet tal-pajjiż, li trid iżżomm l-ordni u trid tkun qiegħed hawhekk b’mod legali. Min mhux qiegħed hawn b’mod legali jew min qiegħed hawnhekk b’mod legali imma jikser il-liġijiet tal-pajjiż allura hemmekk żewġ konsegwenzi għandek. L-ewwel waħda li titressaq il-Qorti u t-tieni waħda d-deportazzjoni wkoll.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qasam tax-xogħol f’pajjiżna fejn qal kif ħafna setturi f’pajjiżna jaħdmu b’persuni barranin.
Fost oħrajn, Dr Abela rrimarka r-riforma li saret ftit ilu b’rabta mal-vetturi y plates jew y tags, hekk kif ġew implimentati numru ta’ bidliet li jagħmlu tajjeb għal suq li beda jara żieda eċċessiva ta’ pjanċi ta’ dak it-tip.
Il-Prim Ministru spjega li dan sar anke f’kuntest li l-Gvern mhux se jippermetti logħob bis-sigurtà tal-persuni li jgħixu f’pajjiżna.
Dr Abela rrimarka li kull min iħaddem għandu jkun responsabbli tal-ħaddiema tiegħu u jagħtihom id-dinjità li jixirqilhom. Dan anke fid-dawl ta’ realtajiet inġusti li bdew jiġu nnutati f’pajjiżna u li qed joħolqu d-diffikultajiet.
Stqarr, “X’sitwazzjoni kellek? Sitwazzjni hija u din forsi qed nsibuha f’setturi oħrajn ukolli li dak li jkun jaf li jista’ jdaħħal fil-pajjiż ħaddiema kemm irid jew fehem li hu hekk għax ir-realtà turik b’mod differenti imma ejja ngħidu li kien hemm regolamenti li wieħed seta’ jsib minn fejn jipprova jdur magħhom u allura dak li jkun ma jibżax għall-ħaddiem.”
Il-Prim Ministru radd ħajr ukoll lill-Pulizija u l-forzi tal-ordni għax-xogħol siewi li jagħmlu ta kuljum u temm jgħid li l-messaġġ huwa wieħed ċar, li s-serjetà u d-dixxiplina f’kull settur f’pajjiżna għandhom jiġu infurzati u kull wieħed u waħda minna għandu jimxi mar-regolamenti.