Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-provvista tal-gass hija garantita għax-xhur li ġejjin bi prezz stabbli.
Fi tweġibiet lill-ġurnalisti l-Prim Ministru estenda l-garanzija għall-prezzijiet stabbli, mhux biss għall-prezz tal-gass iżda anki għall-elettriku u l-fjuwils.
Dr Abela aċċenna li l-Gvern se jibqa’ solidali mal-poplu bl-istess prinċipju li tħaddan waqt pandemija.
Mistoqsi jekk il-Partit Laburista għandux jemenda l-wegħdiet fid-dawl tat-tensjonijiet bejn l-Ukrajna u r-Russja, il-Prim Ministru saħaq li l-proposti tal-Partit Laburista huma costed u sostennibbli.
Il-Prim Ministru rrimarka għall-għajnuna li diġà ta lill-bdiewa u r-raħħala u ta s-serħan il-moħħ li kull min jeħtieġ spalla, se jsibha minn dan il-Gvern.
Qal li fi żmien ta’ rkupru ekonomiku mill-pandemija se jibqa’ jipproteġi lill-poplu biex l-ekonomija tirrendi u tkun vibranti biex il-‘war chest’ jerġa’ jimtela’.
Il-Prim Ministru nnota li b’differenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien saħaq li jekk jogħlew il-prezzijiet minn barra, jogħlew f’Malta wkoll.
Dr Robert Abela saħaq li din hija pożizzjoni opposta għal kollox minn tiegħu, li se jibqa’ jkun ta’ sostenn għal poplu.