Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-offerta li poġġa l-Gvern fuq il-mejda tan-negozjati hi waħda qawwija ħafna u appella lill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, biex tagħti l-fatti sħaħ u korretti tal-proposta tal-Gvern.
Fi tweġibiet lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-għalliema se jieħdu titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet u d-dħul tagħhom fuq ftehim kollettiv preċedenti u anki l-arretrati b’lura.
“Qed nitkellmu dwar żidiet b’saħħithom ħafna u nemmen li nistgħu naslu fi ftehim kif wasalna f’għexieren ta’ ftehimiet kollettivi oħra”, qal il-Prim Ministru hu u jisħaq li l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima bagħat ittra bil-miktub lill-Unjin biex ikomplu t-taħditiet.
Il-Prim Ministru qal li l-għalliema huma pilastru għall- ġenerazzjonijiet aktar b’saħħithom fil-futur tas-soċjetà tagħna u jixirqilhom iż-żidiet b’saħħithom li qed joffri l-Gvern.
Irrimarka li meta wieħed jara l-proposta b’saħħitha ħafna li qed joffri l-Gvern, forsi jara żidiet li jiżbqu dak li tradizzjonalment isir fi ftehimiet oħra iżda nnota li l-għalliema huma kategorija oħra ta’ ħaddiema u professjonisti li huma dedikati f’xogħolhom u għalhekk jixirqilhom.
Aktar qabel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima f’kummenti ma’ ONE News spjega proposti finanzjarji b’saħħithom għall-edukaturi.