Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq l-investiment fin-nies u l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil.
F’intervista mal-Maltatoday, il-Prim Ministru rrikonoxxa li sfida ewlenija hija dik tal-għoli tal-ħajja u kif minkejja l-għajnuna tal-Gvern, hemm familji bi sfida quddiem l-għoli tal-ħajja.
Irrimarka li l-Gvern jagħraf ir-realtajiet tan-nies u kieku ma għenx b’mod qawwi fl-enerġija, Malta ma kienx ikollha fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni.
Il-Prim Ministru nnota li b’kuntrast mal-Gvern li anki għamel investiment ta’ €70 miljun fin-nies b’ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa u għall-għoli tal-ħajja, l-Oppożizzjoni
kritikat dan u sejħet l-investiment fin-nies bħala soppa msaħħna u trid li s-sussidju fuq l-enerġija jieqaf.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern apparti l-COLA introduċa wkoll mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja biex jgħin lill-familji filwaqt li kompla jżid il-pensjonijiet u ċ-children’s allowance issa u anki waqt pandemija.
Dwar is-settur tal-proprjetà, il-Prim Ministru sostna li ma jistax isir capping għall-prezzijiet tal-proprjetà iżda l-Gvern qed jibqa’ jgħin fosthom liż-żgħażagħ biex isiru sidien ta’ djarhom b’għotja ta’ €10,000 għal kull first-time buyer, iwessa l-iskema tal-equity sharing biex jgħin persuni joħorġu l-10% depożitu mingħajr imgħax apparti inċentivi oħra għal dawk li jinvestu fi proprjetà battala jew f’żona ta’ konservazzjoni urbana.
Mistoqsi fil-bidu tal-intervista dwar għaxar snin ta’ Gvern Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal ħafna tajjeb li sar fosthom fil-qasam soċjali u f’dak tad-drittijiet ċivili.
Innota kif Gvern Laburista bena settur tax-xogħol b’saħħtu u ta s-servizz taċ-childcare mingħajr ħlas.
“L-ekonomija sa qabel l-2013 kienet qed tirċievi downgrading wieħed wara l-ieħor u llum għandna ekonomija li qed issarraf f’ġid”, qal il-Prim Ministru hu u jirrimarka li l-Partit Laburista kompla jirriġenera ruħu u rrikonoxxa li qed jiġi indirizzat dak li seta’ sar aħjar.
Il-Prim Ministru tenna wkoll l-messaġġ li l-Qrati għandhom ikunu konsistenti u jibagħtu messaġġ b’saħħtu li jekk twettaq reat f’dan il-pajjiż, għandek il-konsegwenzi.