Il-linja ta’ difiża għall-Gvern f’din il-kawża se tkun waħda illi li tipproteġġi il-jedd tal-poplu Malti.
Qal dan il-Prim Minstru Robert Abela ftit tal-ħin wara lill-Imħallef Toni Abela ddeċida li l-Gvern ta’ Malta u l-Kabinett tal-Ministri għandhom jiddaħħlu fil-kawża li fetħu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar l-isptarijiet, kontra l-Avukat tal-Istat.
Waqt li nnotta li l-Qorti laqgħet din it-talba tal-Gvern, il-Prim Ministru spjega li bħalissa hemm pendenti arbitraġġ internazzjonali fejn hemmhekk il-Gvern mill-ewwel ħa l-proċeduri meħtieġa biex jipproteġi l-interessi tal-poplu Malti.
Intant, il-Prim Ministru Abela spjega li l-għan ewlieni ta’ din il-kawża mill-Oppożizzjoni hija li tfixxkel dawn il-proċeduri internazzjonali u tnaqqas iċ-ċansijiet li l-Gvern jirkupra kwalunkwe somma li hija dovuta min-naħa ta’ Steward.
Dr Abela sostna li permezz tal-involviment tiegħu f’din il-kawża, il-Gvern ta’ Malta se jara li jipproteġi s-sovranità tal-poplu. Hawn spjega li r-rieda tal-poplu li kull ħames snin jagħti mandat lil partit politiku biex ikun il-Gvern tal-pajjiż, ma għandix tiġi mxekkla min-naħa tal-Oppożizzjoni.