Il-Prim Ministru Robert Abela insista li f’Kemmuna ma għandux isir żvilupp fuq art mhux mittiefsa u allura saħaq li għandu jirrenja l-bon sens fil-proġett ta’ lukanda f’Kemmuna fejn l-iżvilupp isir fuq l-art diġà żviluppata u mhux fuq medda ta’ art ikbar.
F’intervista mal-editur tal-Maltatoday Kurt Sansone, il-Prim Ministru nnota s-sentiment tal-pubbliku li mhux ma jridx żvilupp fil-proġett inkwistjoni iżda ma jridx li tittieħed iżjed art għal żvilupp fuq Kemmuna.
Dr Abela rrimarka li l-bon sens jgħidlek li s-sensittività tal-post turik ukoll l-applikar tal-prinċipju li l-iżvilupp isir fuq il-foot print eżistenti.
Il-Prim Ministru tkellem dwar dan meta kien mistoqsi dwar it-tema ambjentali u wegħda ewlenija tal-Gvern li jinvesti biex ikollna iżjed spazji miftuħa, fosthom bħal dak li nfetaħ fl-aħħar jiem f’Bengħajsa fejn il-familji għandhom issa wkoll daqs żewġ grawnds tal-futbol fi spazju aħdar ieħor għat-tgawdija tagħhom.
“Bengħajsa, art li l-Partit Nazzjonalista ried jagħmilha estensjoni tal-Freeport u landfill biswit”, qal il-Prim Ministru hu u jirrimarka kif il-Gvern tiegħu poġġa benchmark għoli ħafna biex pajjiżna jkollu iżjed spazji ħodor fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda fosthom dawk ambjentali.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka fuq il-ħtieġa tal-bilanċ fl-iżvilupp u nnota kif f’mitt jum mill-ewwel mandat li ngħatalu mill-poplu, tah lura lill-poplu l-art taż-Żonqor.
Qal li l-Gvern tiegħu bagħat messaġġ b’saħħtu wkoll dwar li Ħondoq ir-Rummien ma għandux jiġi żviluppat.
Dr Abela rrefera wkoll għall-każ ta’ pompa tal-petrol fil-Gżira fejn qal li hu bagħat messaġġ ċar lill-Awtoritajiet biex jesploraw soluzzjonijiet alternattivi wara li fl-1999 kienet ittieħdet deċiżjoni biex titwessa’ triq u għalhekk il-pompa kellha tiċċaqlaq.