Mhux talli l-inkjesta maġisterjali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella ddaħħlet fl-istess jum li fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet iżda ddaħħlet għand l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fl-istess siegħa li fiha fetħu l-istess nomini.
Indika dan il-Prim Ministru Robert Abela barra l-Qorti fil-Belt wara li ntemmet seduta oħra tal-kawża dwar l-isptarijiet miftuħa mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-predeċessur tiegħu Adrian Delia kontra l-Avukat tal-Istat, Dr Chris Soler.
Dr Abela irrimarka din il-kumbinazzjoni oħra dwar l-istess inkjesta hekk kif kien qed iwieġeb il-ġurnalisti.
“Il-ħin li jidher li fih, il-proċess verbal ġie trasmess mill-Uffiċċju tal-Maġistrat għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jidher li jaqbel mal-istess siegħa tal-ftuħ tal-kandidatura. Issa jekk tgħidli forsi kumbinazzjoni għalhekk il-poplu jrid jagħmel il-ġudizzju tiegħu fit-tmienja ta’ Ġunju.”
Robert Abela – Prim Ministru
Hekk kif il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar rapporti f’każ li l-inkjesta ssemmi persuni fi ħdan il-Kabinett tal-Gvern, huwa spjega li se jeżerċità d-diskrezzjoni tiegħu u jikkunsidra l-elementi kollha tal-inkjesta, fosthom anke t-timing tagħha.
“Jekk dawk id-domandi li jien poġġejt għall-konsum tal-midja u l-pubblika llum ma jagħtux fija s-serħan il-moħħ li persuna ġiet rakkomandat li titressaq il-Qorti għal raġunijiet li huma oġġettivi u li għandhom biss ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja imma għandhom għanijiet oħrajn u jekk jien ma nkunx konvint li verament persuna naqset allura jien jekk tiġi mgħotija xi offerta ta’ riżenja lili, le mhux se nkun qed naċċettaha.”
Robert Abela – Prim Ministru
Apparti minn hekk il-Prim Ministru Robert Abela sostna li se jkun qed iwieżen b’saħħa deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dwar persuni li kienu leali lejn amministrazzjonijiet differenti u li dejjem ħadmu favur l-istat Malti.
Dan partikolarment fi sfond ta’ messaġġi li jistgħu jintbgħatu biex inaffru l-ħidma tagħhom anke b’rabta mat-twettieq tal-Manifest Elettorali ta’ Gvern Laburista.
Għalhekk tenna li mhux se jħalli lill-establishment li jiddistabbilizza l-pajjiż.
“L-Establishment huwa dak li qabel l-2013 saltan hu, iggwadanja kemm felaħ hu u jassar poplu. L-Establishment huwa dak li fuq il-poplu tagħna qabel l-2013 waddab l-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma, taxxi fuq taxxi fuq taxxi ġodda Baġit wara l-ieħor, l-Establishment huwa dak li ffriża l-pensjonijiet, l-Establishment huwa dak li sal-lum għadu jiġbed l-ispag tal-Partit Nazzjonalista għax il-Partit Nazzjonalista evidentament huwa mmexxi mill-Establishment.”
Robert Abela – Prim Ministru
Għalhekk il-Prim Ministru tenna l-importanza tal-jum tal-votazzjoni tat-tmienja ta’ Ġunju sabiex il-poplu jżomm is-setgħa li jiddeċiedi hu min għandu jmexxi lil dan il-pajjiż.
“Hawnhekk għandna attakk mill-Establishment biex is-setgħa ta’ dawn in-nies li hawn madwarna li jiddeċiedu huma min għandu jmexxi lil dan il-pajjiż l-Establishment jrid joħodielhom u dik hija d-deċiżjoni li se nkunu qed nieħdu fit-tmienja ta’ Ġunju li dik is-setgħa la hi tiegħi, la hija tal-Qrati, la hija tal-Establishment imma hija ta’ dawn in-nies li hawn madwarna u ta’ dawn in-nies li jgħixu f’Malta u Għawdex li għandhom id-dritt tal-vot.”
Robert Abela – Prim Ministru