Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ f’Kastilja lir-rebbieħa ta’ X Factor u r-rappreżentanta Maltija tal-Eurovision 2020 f’Rotterdam, l-Olanda, Destiny Chukunyere.
Filwaqt li awguralha għas-suċċess li kisbet is-Sibt li għadda, il-Prim Ministru qal li l-kompetizzjoni kienet waħda vivaċi u li ssaħħret bil-vuċi ta’ Destiny.
Qal li jemmen fit-talent ta’ din il-kantanta żagħżugħa ta’ 17-il sena u jemmen li għandha futur sabiħ jistenniha anki fl-akbar festa ta’ kant fl-Ewropa f’Mejju li ġej.
Dr Abela saħaq li jemmen fit-talent żagħżugħ u bħala pajjiż għandna nibqgħu nippromwovu u nkattru t-talent fiż-żgħażagħ.
Il-Prim Ministru laqa’ wkoll lill-ġenituri u lil aħwa ta’ Destiny.