Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li hu għandu messaġġ wieħed, dak li l-Gvern ta l-fiduċja sħiħa lill-istituzzjonijiet u jistenna li l-istituzzjonijiet iridu joqogħdu attenti li dik il-fiduċja jibqgħu jżommuha ta’ kuljum.
Dr Abela tkellem mal-midja llejla barra l-Parlament wara li sar magħruf li saret tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat.
Dr Robert Abela qal li ra kif waqt it-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru ttieħdu l-mobiles taż-żewġ ulied ta’ Dr Muscat u saħaq li diffiċilment jifhem dan, anki bl-esperjenza li għandu meta kien espert tal-Qorti.
Dr Abela qal li naturalment dik hija f’idejn is-setgħa tal-Maġistrat inkwirenti.
Il-Prim Ministru qal li mhux se jikkumenta ħafna fuq dan il-każ minħabba inkjesta Maġisterjali pendenti u b’rispett lejn l-istituzzjonijiet.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru nnota dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru qal li b’dak li allega Bernard Grech huwa waqa’ f’livell baxx.
Il-Prim Ministru temm jappella biex l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu iżda għadda messaġġ ċar li l-istituzzjonijiet f’kull waqt iridu jirritornaw il-fiduċja li dejjem wera fihom il-pajjiż, b’ħidma sfieqa għar-retta tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.