Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar fl-għajnuniet li ta Gvern Laburista quddiem iż-żieda fl-inflazzjoni li qed taħkem mhux biss lil pajjiżna iżda lid-dinja.
Huwa qal dan waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti hekk kif tenna li dan il-Gvern għal kuntrarju ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat dejjem baqa’ attent li ma jżidx il-piżijiet fuq il-poplu quddiem dawn ir-realtajiet.
Huwa fakkar ukoll fl-għajnuna li ta l-Gvern quddiem din l-inflazzjoni li ddominat id-dinja. Din fost oħrajn inkludiet €70 miljun f’assistenza diretta f’ċekkijiet lill-poplu flimkien ma’ appoġġ f’miljuni lill-impurtaturi tal-ġwies u t-tqiq.
Madankollu dan mhux biss.
“Miżura ewlenija li kieku ma għamilnijiex kien ikollna l-inflazzjoni li tispara ’l fuq kienet l-appoġġ li tajna fis-settur tal-enerġija. Qed nitkellmu fuq id-dawl, il-kurrent elettriku, qed nitkellmu fuq il-prezz tal-petrol u fuq il-prezz tad-diesel. Araw x’qed jiġri fil-bqija tad-dinja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea.
Huwa tenna li Malta se tkun qed tiġi konformi mal-pakkett ta’ sanzjonijiet ġodda li ser tadotta l-Kummissjoni Ewropea.