Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-ħin li ġejjin se tkun qed issir konferenza tal-aħbariiet li fiha se jitħabbru miżuri ġodda restittivi sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi u tkompli tiġi mrażżna l-imxija.
Illejla, fil-Parlament, il-Prim Ministru spjega li matul il-ġurnata tal-lum saru diversi laqgħat mal-awtoritajiet tas-saħħa u l-esperti xjentifiċi biex tibqa’ mħarsa s-saħħa pubblika.
Dr Abela spjega li l-miżuri rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa għandhom l-għan ewlieni li l-faċilitajiet tas-saħħa tagħna jibqgħu jlaħħqu mad-domanda.
Qal li għan ieħor huwa li bil-miżuri ġodda jonqsu l-infezzjonijiet.
Spjega li miżuri oħrajn se jkomplu jintensifikaw il-programm tat-tilqim ta’ pajjiżna hekk kif bħalissa Malta diġà qed tlaqqam ħamest elef persuna kuljum.
Dan intqal wara li l-Kap tal-Oppożzizjoni Bernard Grech qam fil-Parlament biex iressaq mozzjoni biex qabel jitħabbru l-miżuri, tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-imxija.
Hawnhekk il-Prim Ministru wieġeb li l-Gvern m’għandu l-ebda problema li jiddibatti iżda rrimarka li l-prijorità f’dawn is-sigħat hija li jitħabbru l-miżuri importanti.
Dr Abela fakkar kif tul dawn ix-xhur l-Oppożizzjoni lagħbet gallarija u ppruvat tiskorja punti politiċi mill-imxija.