Waqt intervista fuq il-programm Sibt il-Punt, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li applikazzjonijiet favur proġetti ta’ żvilupp li mhumiex konformi mal-liġijiet tal-ippjanar, m’għandhomx lanqas biss jiddaħħlu għand l-Awtoritá tal-Ippjanar.
Il-Prim Ministru qal dan wara li ġie mistoqsi dwar applikazzjoni għal proġett ta’ żvilupp f’Birkirkara.
Dr Abela qal li jekk applikazzjoni li tidħol hija non-starter, l-Awtorità għandha tieħu deċiżjoni waħda li tkun ċara. Dan hekk kif għandhom jiddaħħlu biss applikazzjonijiet skont il-parametri tal-liġi u li jirrispettaw il-komunità.
Qal, “Il-prinċipju għalija għandu jkun u qed nibgħatu ċar ħafna dan il-messaġġ li fejn għandek applikazzjonijiet li mhumiex in linea mar-regolamenti tal-ippjanar tissotomettihomx. Għax meta inti żvilluppatur u qed idaħħal applikazzjoni li ma tagħmel l-ebda sens u mhijiex konformi mal-liġijiet tal-ippjanar, qed tagħmel dan biex toħloq dwejjaq fil-komunità u qed tagħmel dan biex il-proġett tiegħek ikkontaminajtu mill-bidu nett għaliex imbagħad tvarja kemm tvarja fih, meta telaq fuq is-sieq il-ħażina, dan il-proġett se jkollu reżistenza mill-komunità.”
Dr Robert Abela sostna wkoll kif l-ewwel prinċipju fundamentali li jadotta dan il-Gvern dwar l-ambjent huwa dejjem favur is-sostenibilità.
Il-messaġġ tal-Prim Ministru kien li l-iżviluppaturi għandhom jersqu ‘l quddiem bi proġetti sostenibbli u bl-konformità mal-esiġenzi u x-xewqiet tal-komunità.
Tul l-intervista, Dr Abela aċċenna wkoll għaż-żjara tiegħu f’Villa Portelli fil-Kalkara, li bħalissa qed isirilha xogħol ta’ restawr fuqha minn Heritage Malta biex tkun tista’ tibda titgawda mill-pubbliku u biex ukoll tiġi ppriservata.
Hawn il-Prim Ministru tenna l-ħidma tal-Gvern favur aktar spazji ħodor f’pajjiżna għall-familji Maltin u Għawdxin hekk kif aċċenna għal numru ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa.
Intant, il-Prim Ministru rrimarka l-ħidma importanti tal-Kunsilli Lokali b’rabta ma’ proġetti ta’ żvilupp u l-aspett ta’ sostenibbiltà fil-lokalitajiet rispettivi.
Fost oħrajn, Dr Abela ġie mistoqsi dwar id-deċiżjoni mill-aktar pożittiva mill-Qorti tal-Appell dwar Ħondoq ir-Rummien biex din l-art se tibqa’ mhux mittiefsa.
Il-Prim Ministru qal li b’din id-deċiżjoni, qed titwettaq wegħda oħra mill-manifest elettorali fejn aċċenna għall-fatt li l-Partit Laburista minn dejjem kellu pożizzjoni konsistenti, kontra kull żvillupp f’Ħondoq ir-Rummien.
Dan imur kontra dak li għamel il-Partit Nazzjonalista, hekk kif meta kien fil-Gvern ħa din l-art f’idejh, ftit wara ta lura lill-privat u fl-2006 biddel il-pjanijiet lokali biex b’hekk l-iżviluppaturi setgħu japplikaw għal żvilupp fiha.
Stqarr, “Bidla li se tkun proposta, se tkun waħda ċara li tgħid li f’Ħondoq ir-Rummien ma jista’ jsir l-ebda żvillupp ħlief afforestazzjoni. Meta jkollok din it-tip ta’ bidla fil-pjan lokali bilfors u anzi huwa kruċjali li jkun hekk li mmorru għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, dan huwa proċess li taħseb għalih il-liġi u anka kieku mhuwiex hekk, mhemmx dubju li għandu jkun hemm konsultazzjoni pubblika. ”
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-għan ta’ dan kollu huwa l-viżjoni tal-Gvern favur investiment sostenibbli f’pajjiżna.