“B’idi fuq il-kuxjenza tiegħi ħdimt qatiegħ din l-aħħar sena u għamilt minn kollox biex nipproteġi s-saħħa, l-għajxien u l-ekonomija tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt stqarrija ministerjali fil-Parlament hekk kif spjega s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħalissa għaddejin diskussjonijiet kontinwi mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex fost oħrajn jittejjeb l-infurzar. Kien hawnhekk li Dr Abela qal li jemmen fil-ħtieġa li jiżdiedu l-multi sabiex kulħadd jobdi r-ristrezzjonijiet li hemm fis-seħħ.
Dr Abela stqarr: “Qegħdin iva llum niddiskutu mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex naraw fejn nistgħu ntejbu fost oħrajn l-infurzar, fejn nistgħu jekk hemm il-ħtieġa nżidu l-multi għal min jinqabad jikser ir-regoli u hemm numru ta’ restrizzjonijiet fis-seħħ. Iva nemmen li għandhom jiżdiedu l-multi għal min mhux qed josserva r-regolamenti li hemm fis-seħħ imma dik hija d-differenza ewlenija. Intom titkellmu ħafna, aħna naġixxu.”
Il-Prim Ministru qal li se jiġu msaħħa wkoll ir-riżorsi għall-awtoritajiet tas-saħħa: “Issa jekk tgħidli nistgħux nagħtu iktar riżorsi, mhux nistgħux, se nagħtu iżjed riżorsi imma l-ħidma tal-awtoritajiet tas-saħħa tmaqdruwihex. Ejja nkunu solidali u nappoġġjaw il-ħidma tal-awtoritajiet tas-saħħa li għaddew minn sena ta’ pressure bla waqfien.”
Dr Abela spjega li din hija d-differenza ewlenija bejn Gvern li jaġixxi għal Oppożizzjoni li titkellem biss.
Fil-fatt il-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex ma tibqax tkun partiġjana fl-atteġjament politiku tagħha iżda tkun ta’ spalla għall-Gvern u toffri alternattivi għall-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Prim Ministru tenna: “Fuq banda niġu hawnhekk nikkritikaw l-ħidma tal-Gvern f’dan is-suġġett imbagħad tiġi hawnhekk tipprova tagħsar x’kontribut qed tagħti l-Oppożizzjoni. Huwa doveruż fuqkom l-Oppożizzjoni li tagħtu kontribut u meta tagħsar ħlief kritika, tmaqqdir u negattiviżmu jiddispjaċini ngħid li ma ssib xejn.”
Intant tul l-istqarrija Ministerjali tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela kellu ċ-ċans ukoll jitkellem dwar is-summit tal-Kunsill Ewropew virtwali li sar lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Dwar il-pandemija u s-settur tas-saħħa, il-Prim Ministru spjega li l-mexxejja talbu biex il-proċessi tar-rata ta’ tilqim u l-produzzjoni tal-vaċċin ikunu mgħaġġla kemm jista’ jkun. Spjega wkoll li kien hemm qbil fuq riċerka kontinwa u aktar assessjar dwar il-varjanti ġodda li qed ifeġġu.
Dwar iċ-ċertifikati għal dawk li tlaqqmu bil-vaċċin, il-Prim Ministru spjega li dan is-suġġett se jibqa’ jiġi diskuss.
Il-Prim Ministru saħaq: “Iddiskutejna wkoll il-possibiltà ta’ ċertifikat li juri li persuna ħadet il-vaċċin. Kien hemm diverġenza ta’ opinjoni dwar dan is-suġġett u qbilna li nkomplu d-diskussjoni dwar iċ-ċertifikat fil-laqgħa li jmiss li se ssir dan ix-xahar stess.”
Dwar dawn il-materji, il-Prim Ministru sostna li huwa laqa’ u appoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew.
Fuq is-suġġett tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni Ewropea l-Prim Ministru spjega li kien hemm qbil bejn il-mexxejja li l-Unjoni Ewropea jkollha l-kapaċità taġixxi b’mod awtonomu fuq livell internazzjonali. Dan filwaqt li tkompli taħdem man-NATO u l-Ġnus Maqgħuda fost oħrajn.
Fuq l-immigrazzjoni, Dr Abela spjega kif ġiet diskussa l-politika li permezz tagħha jintbgħatu lura persuni li ma jikkwalifikawx għall-ażil fl-Unjoni Ewropea.