Aktar tard din il-ġimgħa il-Gvern se jħabbar kif lil hinn minn Marzu se tibqa’ tingħata l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi minħabba l-pandemija magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna dan għall-mistoqsijiet ta’ ONE News fi tmiem laqgħa tal-Kabinett fil-bini tal-General Workers’ Union.
Il-Prim Ministru saħaq li jinsab f’qagħda li jagħti serħan il-moħħ lil dawk dipendenti fuq il-Covid Wage Supplement li mhux se jneħħi l-għajnuna f’mument li huwa meħtieġ.
Spjega kif il-Gvern se jkun qed iħabbar kif se jkun qed jagħti l-Covid Wage Supplement, li fil-budget li kien tħabbar f’Ottubru li għadda din l-għajnuna kienet ġiet estiża sa Marzu.
Fil-bidu ta’ din is-sena kien tħabbar kif mill-miżura tal-Covid Wage Supplement jistgħu jgawdu n-negozji u l-ħaddiema.
Fil-fatt dawk li meta mqabbel ma’ bejn Marzu u Ottubru tal-2019 kellhom nuqqas fil-bejgħ ta’ 55% jew aktar se jibqgħu jieħdu l-Wage Supplement kollu.
Madankollu dawk li raw persentaġġ inqas ta’ bejgħ se kienu suġġetti għal inqas ammont mogħti lilhom fil-Covid Wage Supplement.