Fi tweġibiet li ta lill-ġurnalisti fi tmiem business breakfast dwar il-futur ekonomiku ta’ Għawdex, il-Prim Ministru qal li għaddejjin diskussjonijiet dwar x’miżuri se jitħabbru b’rabta mal-kontroll u t-trażżin tal-imxija.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna dak li qal fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija fejn semma kif il-Gvern qed jara li jkun hemm żieda fil-multi għal min jikser ir-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa biex is-sitwazzjoni medika ta’ pajjiżna tibqa’ stabbli.
Il-Prim Ministru fakkar kif sa minn sena ilu, l-Oppożizzjoni mbuttat b’mod insistenti li jsir lockdown iżda imbagħad indunat bid-deċiżjoni għaqlija tal-Gvern li ma mmorrux għal-lockdown biex pajjiżna jkollu bilanċ mingħajr il-bżonn ta’ miżuri estremi li jtellfu l-għajxien ta’ bosta familji li jiddependu minn bosta setturi.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar allegazzjonijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi lbieraħ filgħaxija fil-Parlament.
Allegazzjonijiet dwar abbuż tal-poter li s-Segretarju Permanenti Mario Cutajar ċaħad b’mod kategoriku.
Il-Prim Ministru saħaq li Jason Azzopardi jaf li fi żmien qasir se toħroġ storja serja dwaru u dak li għamel ilbieraħ kien attentat kundannabbli li bih ipprova jneħħi l-attenzjoni minn fuqu.
Dr Abela qal li fis-sigħat li ġejjin Malta u Għawdex se jkunu jafu kif Jason Azzopardi huwa l-akbar ipokrita f’dan il-pajjiż.