Il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi dwar il-proġett ta’ Manoel Island mill-konsorzju MIDI u rrimarka li l-Gvern dejjem jagħti direzzjoni favur proġetti li jirrispettaw il-kriterji ambjentali, iħarsu l-estetika tal-proġett u jiġbed lejh investiment ta’ kwalità.
Qal li dan il-proġett jista’ jkollu dan il-potenzjal iżda nnota kif jibqalu riservi dwar kif kienet ingħatat l-allokazzjoni ta’ dik l-art fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Fil-fatt l-art tal-Gvern fuq Manoel Island kienet ingħatat b’riżoluzzjoni parlamentari mill-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami fis-sena 2000 b’allokazzjoni ta’ Tigne Point u Manoel Island f’daqqa.
“Il-kundizzjonijiet tal-konċessjoni, il-mod kif ingħataw l-artijiet, il-masterplan li kien sar, il-modifiki għalih, dak li ġie permess isir lil hinn mill-kuntratt”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota kif dan kollu jikxef l-ipokresija llum ta’ min illum jitkellem differenti minn meta kien fil-Gvern.
Qal li r-rabtiet kuntrattwali li kienu saru huma li huma u jekk il-Gvern jikser minnhom, il-piż jispiċċa jerfgħu l-poplu. Innota wkoll kif l-Ambaxxatur tal-Gvern Malti fil-UNESCO talab assessjar tal-impatt ambjentali biex l-iżvilupp jirrispetta kriterji ambjentali u l-wirt storiku.
Qal li jekk il-proġett jinħadem bil-għaqal u spjega kif id-direzzjoni politika tal-Gvern tisħaq fuq dan, il-proġett tal-Manoel Island jiġbed ukoll investiment ta’ turiżmu ta’ kwalità u l-Gvern jibqa’ favur żvilupp sostenibbli.