Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li qed iħares ’il quddiem li fiż-żmien li ġej jasal bi qbil mal-Oppożizzjoni fil-ħatra ta’ Ombudsman ġdid u anki ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dr Abela qal dan f’intervista ppubblikata fis-Sunday Times.
Prim Ministru – “Għad irridu nikkonkludu l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards mal-Oppożizzjoni, l-Ombudsman, qegħdin fi stadju avvanzat ħafna.”
Ġurnalist – “Fiex wasaltu hemm?”
Prim Ministru – “Stadju avvanzat ħafna.”
Ġurnalist – “Avvanzat x’iġifieri?”
Prim Ministru – “Naslu.”
Meta kien anke mistoqsi dwar il-ħatra ta’ President tar-Repubblika fl-2024, il-Prim Ministru qal li din il-ħatra se tkun biż-żewġ terzi wara li l-Prim Ministru reħa l-poter minn idu. Sostna li għal din il-kariga tant importanti, irid ikun hemm xi ħadd li jgħaqqad lill-pajjiż.
Mistoqsi dwar l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, Dr Abela kien ċar u qal li dan mhuwiex figura li jgħaqqad lill-pajjiż.
Ġurnalist – “Tikkunsidra tagħmel lil Lawrence Gonzi, president?”
Prim Ministru – “Mhuwiex bniedem li jgħaqqad il-pajjiż żgur.”
F’dan il-kuntest, semma kif huwa ma jaqbilx li eks Prim Ministru jew eks Kap ta’ partit politiku għandu jokkupa l-kariga ta’ President ta’ Malta bħal ma kien ġara fil-każ ta’ Eddie Fenech Adami.
“Il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ President tar-Repubblika trid tkun persuna li tgħaqqad il-pajjiż issa jekk tgħidli għażla kif kienet dik ta’ Eddie Fenech Adami kienet waħda li għaqdet il-pajjiż ngħidlek illi żgur ma nistax naqbel miegħek.”
Dwar ħatriet differenti, il-Prim Ministru rrimarka li għandna nkunu aktar sensibbli u fakkar kif huwa wasal fuq diversi ħatriet b’kunsens unanimu fosthom fil-ħatra ta’ Prim Imħallef.
Qal li lil hinn mill-għażla li fadlilha daqs sena u nofs oħra, bħala Prim Ministru tal-pajjiż jinsab iffukat kompletament fuq l-isfidi kurrenti biex il-Gvern ikompli jgħin u jsostni lin-nies.