Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appell lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sabiex l-Oppożizzjoni tattendi u tagħmel skrutinju parlamentari fuq il-kandidat riferut għall-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru stqarr: “Għandu l-aqwa opportunità li fi ftit ġranet jidher quddiem il-Public Appointments Committee il-Kap tal-Oppożizzjoni, se jkun hemm il-Kummissarju tal-Pulizija nominat u jagħmillu d-domandi kollha x’beħsiebu jagħmel inkluż dwar il-każ li semma issa dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija. Dawn domandi relevanti li l-Oppożizzjoni missha tagħmilhom imma sal-lum qed tgħid li se tabdika milli tagħmilhom.”
It-Tlieta filgħaxija fil-Parlament, il-Prim Ministru qal dan meta l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel talba sabiex fil-Parlament isir dibattitu dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-korp iżda l-Prim Ministru kien ċar u saħaq li rridu nħallu l-Qrati u l-Pulizija jaħdmu.
Il-Prim Ministru sostna: “Fil-mument li aħna f’dan il-Parlament nibdew niddibattu dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija f’dan il-Parlament, li waqqaftu intom dik l-investigazzjoni. U dik hija xi ħaġa li ma rriduhiex. Aħna nemmnu fil-Qrati tagħna, jien għandi fiduċja fil-Korp tal-Pulizija wkoll.”
Il-Prim Ministru tenna l-fiduċja tiegħu fl-istituzzjonijiet rilevanti fejn saħaq li dawn għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom.
Dr Abela qal: “Jien ma rridx biss li f’dan il-pajjiż nibqgħu nitkellmu biss bħalkom fuq investigazzjonijiet. Jien irrid li fejn investigazzjoni tagħti lok għal prosekuzzjoni, dik il-prosekuzzjoni ssir u wara li ssir il-prosekuzzjoni l-Qrati jagħtu l-ġudizzju tagħhom. Ejja nħallu l-istituzzjonijiet tagħna jagħmlu l-ġudizzju tagħhom. Fil-mument li fil-Parlament nikkonvertuh f’Korp tal-Pulizija jew f’Qorti nkunu għamilna l-ikbar zball istituzzjonali li nistgħu nagħmlu.”
Ftit tal-ħin wara, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ċaħad it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Filwaqt li kkwota rulings preċedenti, fid-deċiżjoni tiegħu l-iSpeaker qal li t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni tippreġudika l-investigazzjoni mill-Qrati.