Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li aktar tard illum se titressaq emenda fil-Parlament li tipproteġi aktar lill-artisti fl-isfond li l-mexxej tar-River of Love, Pastor Gordon Manche talab għal proċeduri kriminali kontra artisti fosthom fil-konfront tad-Direttur ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar.
Fil-ħin tat-tweġibiet lill-ġurnalisti wara li indirizza business breakfast organizzat mill-Partit Laburista b’rabta mal-ħidma tal-partit fuq livell Ewropew, il-Prim Ministru sostna li huwa jemmen bi sħiħ fil-libertà tal-espressjoni skont il-parametri tal-liġi u saħaq li bħala Gvern ma nistgħux nippermettu atti li joħonqu l-libertà tal-espressjoni.
Il-Prim Ministru Abela spjega wkoll li din is-sena se titressaq riforma fl-ippjanar li kien irrefera għaliha f’diskors li kien sar fl-1 ta’ Mejju li għadda.
Il-Prim Ministru qal li r-riforma titkellem dwar li permess għal żvilupp ma jiġix utilizzat qabel jiġi finalizzat appell u bħalissa għaddejja diskussjoni dwar din ir-riforma biex titressaq emenda relattiva għal-liġi prinċipali li tirregola l-ippjanar.