Il-Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara qed tgawdi minn restawr tal-pitturi tal-koppla, b’investiment ta’ aktar minn mija u sittin elf ewro, ftit minnhom ġejjin minn fondi ewropej.
Dawn ġew inawgurati l-Ħadd, u huma xogħol l-artist Taljan Virginio Monti. Ir-restawr beda fl-2019 u kien fdat f’idejn il-kumpanija maltija Atelier del Restauro li sabet kif tlett fatturi li affettwaw x-xogħol artistiku b’mod negattiv. L-osservazzjonijiet innutaw ukolld kif attentati ta’ restawr passati kienu ħallew impatt negattiv.
Ir-restawratriċi Valentina Lupo spjegat li grupp ta’ seba’ restawraturi ħadu sehem f’dan il-proġett, u spjegat ukoll kif saħansitra partijiet neqsin mill-pittura kellha ssir rikostruzzjoni tagħhom.
“Saret integrazzjoni pittorika fejn il-partijiet neqsin kellna nerġgħu nagħmlu rikostruzzjoni tagħhom u dawn saru grazzi għal bozzetti li ppreżentha kien Virginio Monti fl-1906 biex seta’ ħa dan il-proġett.”
L-Isqof Awżiljarju, il-Monsinjur Joseph Galea-Curmi rringrazzja lil kull min kien involut f’din il-kollaborazzjoni u rrimarka kif bis-saħħa ta’ restawr bħal dan qed ikun assigurat li l-passat tagħna ikun issalvagwardjat għal ta’ warajna.
“Il-fondi Ewropej huma t’għajnuna kbira għalina l-Knisja biex inħarsu l-patrimonju artistiku kulturali kattoliku tagħna. Aħna nagħmlu dan għaliex propju irridu nħarsu dak is-sabiħ li rċievejna minn ta’ qabilna, mill-antenati tagħna u ngħożżuh u fl-istess waqt ngħadduh lil ġenerazzjonijiet ta’ warajna bħala tassew patrimonju sabiħ.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza li fondi bħal dawn ikunu investiti fil-komunità.
“Qegħdin ninvesti fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qalba tal-komunitajiet. Permezz ta’ diversi proġetti ta’ restawr li qegħdin nagħmlu fil-knejjes. Illum ninsabu hawnhekk fil-Bażilika ddedikata lil Santa Liena fejn ġew investiti mhux inqas minn mija u sittin elf ewro biex sar dan ir-restawr tal-pitturi li hemm fil-koppla tagħha.