Tensjoni kbira fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif it-tmexxija tal-partit trid li s-siġġu vakanti fl-għaxar distrett fil-Parlament jieħdu b’co-option il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione.
Dan is-siġġu parlamentari jinsab vakanti wara l-mewt tad-deputat Robert Arrigo.
ONE News jinsab infurmat li t-tmexxija Nazzjonalista trid li s-siġġu jmur għand Perici Calascione, sabiex il-Viċi Kap Nazzjonalista jkollu siġġu parlamentari.
Perici Calascione kien il-kandidat li għall-kariga ta’ viċi-kap ġie aċċettat mill-fazzjonijiet diversi, anke jekk b’nofs qalb.
Iżda, din id-darba, il-fazzjoni tal-estremisti għandha lill-kandidat u Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg biċ-ċans li jsir deputat, u Buttigieg u ta’ madwaru mhux lesti jħallu li dan is-siġġu jieħdu xi ħadd ieħor. Dan għamluh ċar mill-ewwel, bil-messaġġi li bagħtu messaġġi lil Bernard Grech li bihom għamluhielu ċara li jew jagħmel kif jgħidulu jew inkella ħażin għalih. Fuq kollox, fakkruh li kienu huma li għamluh Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li qaċċtu min-nofs lil Adrian Delia.
Kien fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni li, meta ġie mistoqsi fuq is-suġġett, Grech ipprova jdawwarha li mhux veru li kien hemm manuvri biex issir co-option minflok by election.
B’hekk meta mistoqsi fuq is-suġġett, Bernard Grech prova jgħid li mhux veru li kien hemm manuvri biex issir co-option flok by-election.
Il-ġurnalist ta’ ONE staqsa, “Nafu wkoll li tlabtu lil Albert Buttigieg ma jikkontestax il-by-election. Tiċħad dan?”
Grech wieġeb, “Hija asserzjoni għal kollox fantastika li qed tgħid illi jien jew xi ħadd mal-partit talab lil Albert Buttigieg ma jikkontestax għall-by-election.”
Sorsi viċin id-Dar Ċentrali qalu li dak li wieġeb Grech lil ONE News ma kienx minnu. Dawn is-sorsi ma tkellumx biss ma’ One News. Fil-fatt, il-gazzetta MaltaToday irrappurtat li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, qed jesplora l-possibilità tal-co-option tal-Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione.
Aktar kmieni din is-sena, il-kandidat Albert Buttigieg kellu problemi mat-tmexxija Nazzjonalista, wara li lmenta pubblikament li l-partit kien warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali.
Buttigieg kien sostna li ras kbira fil-Partit Nazzjonalista kienet wiegħdet lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li kienu se “jagħlqulu” ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalita tiegħu ta’ San Ġiljan.
Minbarra Albert Buttigieg, jekk issir co-option, is-siġġu vakanti fl-għaxar distrett jistgħu jitfgħu isimhom għalih il-kandidati Emma Portelli Bonnici u Karl Gouder.