Il-Ħamis se jsiru l-elezzjonijiet każwali tal-Partit Laburista biss, dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista ma preżentax il-lista ta’ liema distretti, id-deputati eletti minn żewġ distretti se jċedu, fi żmien ħamest ijiem hekk kif stipulat.
Mhux magħruf jekk dan id-dewmien wasalx minħabba taħwid fl-istatut anki kif innutat mill-Maltatoday fejn fuq naħa jingħad li d-Deputat Nazzjonalista li jitla’ minn żewġ distretti huwa marbut li jċedi d-distrett li fih iġib l-inqas ammont ta’ voti fl-ewwel għadd u f’verżjoni oħra tal-istatut jingħad li kandidat irid jċedi dak is-siġġu li ġab l-inqas persentaġġ ta’ voti, fl-għadd li jkun ġie elett minnu.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li minħabba hekk l-elezzjonijiet każwali tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista ma jistgħux isiru flimkien. Fil-fatt il-Ħamis se jsiru tal-Partit Laburista filwaqt li tal-Partit Nazzjonalista se jsiru nhar it-Tlieta.
“Minħabba l-fatt lill-Partit Laburista ressaq id-deċiżjoni tad-deputati li ġew eletti minn żewġ distretti, Il-Partit Nazzjonalista ħalla iktar minn ħamest ijiem jgħaddu sabiex jinforma lill-Parlament u effetivament lill-President ta’ Malta biex jiffirma r-Writ biex tiskatta l-elezzjoni każwali għad-deputati tal-Partit Nazzjonalista sabiex issir l-elezzjoni każwali għas-siġġijiet tagħhom.”
Minħabba d-dewmien tal-Partit Nazzjonalista, il-proċess tal-mekkaniżmu għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament se jittardja wkoll.
“Kieku l-Partit Nazzjonalista daħħal ir-risposta lill-Parlament ta’ dawk id-Deputati li telgħu minn żewġ distretti u liema distrett se jċedu, kieku l-elezzjoni każwali kienet issir il-Ħamis ma’ dik tal-Partit Laburista u allura dak il-mekkaniżmu tal-gender balance mechanism sabiex jiġu eletti nisa fil-Parlament sabiex jiġi bilanċjat il-gender kien isir din il-ġimgħa.”
L-elezzjonijiet każwali se jsiru l-Ħamis fid-disgħa ta’ filgħodu fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar. Dawn mistennija jieħdu anqas ħin mis-soltu, għax se jsiru b’mod elettroniku.
“Ħa jkun hemm il-proċess fejn se jsir l-għadd tal-voti b’mod elettroniku tal-elezzjonijiet każwali ta’ disa’ postijiet. Hemm disa’ postijiet, post minnhom id-disa’ distrett fejn ċedew is-siġġu Dr Michael Falzon u Dr Clifton Grima hemm kandidata waħda li setgħet tikkontesta fuq dawk iż-żewġ distretti u allura se jibqa’ post vakat. F’dak il-post vakat il-Partit Laburista se jkun qed jagħmel co-option ta’ Dr Randolph Debattista.”
Gatt spjega li f’dawn l-elezzjonijiet se jinfetħu biss il-voti ta’ dawk il-kandidati li se jċedu posthom biss.
“Il-kwota ta’ dak id-deputat li jkun qed iċedi s-siġġu fil-Parlament dik il-kwota tinfetaħ u minn dik il-kwota biss il-Kummissjoni Elettorali tkun qed tara liema voti bis-single transferable votes jkunu qed jintirtu fuq il-kandidati li jkunu tefgħu n-nomina. Ovvjament dak il-kandidat li jġib nofs il-kwota oriġinali dak il-kandidat ikun elett għal dak is-siġġu.”
Fl-elezzjonijiet każwali il-voti xorta jibdew jingħaddu mill-ewwel preferenza.
“Jiġifieri jekk Kandidat A fil-count oriġinali kien waqa’ u wiret Kandidat B u effetivament il-Kandidat B ċeda s-siġġu meta jinfetaħ il-pakkett ta’ Kandidat B, l-ewwel li ma jieħu l-vot ikun Kandidat A li jkun wiret minn għandu Kandidat B.”