Għall-ħabta tal-10 ta’ dalgħodu, il-Papa Franġisku wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, permezz ta’ titjira tal-linja tal-ajru Taljana ITA Airways li telaq mill-ajruport ta’ Fiumicino, f’Ruma.
Il-Papa ġie milqugħ minn żewġt itfal, bl-isem ta’ Sam Pisani Bonello ta’ tmien snin u Amy Lyons ta’ sitt snin.
Sam għandu l-epilessija waqt li Amy għelbet il-marda tal-leukemia.
Kif il-Papa niżel it-taraġ tal-ajruplan saret ċerimonja ta’ merħba.
Għal din il-wasla tal-Kap tal-Knisja Kattolika fil-mitjar Malti kien hemm preżenti l-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
Minn hawn il-Papa se jitlaq lejn Pjazza San Ġorġ sabiex imur għal żjara ta’ kortesija fil-Palazz tal-President fejn se jkollu laqgħa mal-President, mal-Prim Ministru u anki mal-Korp Diplomatiku.
Il-Papa mistenni joħroġ isellem lin-nies fi pjazza San Ġorġ, mill-gallarija tal-Palazz.




