Qatt kellek kurżita kif kienu jaħdmu l-ewwel ċinemas fil-gżira Maltija?
Ċinemas li jmorru lura għaż żmien il-ħamsinijiet u s-sittinijiet?
Issa se tkun tista’ żżur waħda mill-ewwel projection rooms taċ-ċinema f’Malta, hekk kif it-teatru Pandora għall-ewwel darba wara ħamsa u tletin sena magħluqa, se jkun qed tinfetaħ għall-pubbliku.
Projection Room li inżammet fl-istat oriġinali tagħha mingħajr ma ntmess u ċċaqlaq l-apparat li kien jintuża fl-antik għajr għal xi tindif.
One News żar din il-kamra fit-teatru Pandora, fejn tkellem ma Joseph Agius. Membru fis-sotto kumitat Kultura Għaqda Banda Żejtun.
Wara 35 sena ddeċidejna li din il-Projection room nerġgħu niftħuha. Kif inagħlqet 35 sena ilu sibniha aħna u hekk ħa nħalluha għan-nies li jiġu jaraw.
Agius semma wħud mill-affarijiet li sabu meta fetħu din il-kamra wara ħafna żmien, fejn fost oħrajn sabu lista bl-aħħar films li ġew murija fil-Pandora, bl-aħħar film ikun The Great Battle lura fl-elf disa’ mija tlieta u tmenin.
Dokumenti, dokumenti mal-KRS eżempju biċċiet ta’ tertuqa minn films differenti u ħafna affarijiet oħra saħansittra anke d-diski li kienu jindaqqa fl-interval ta’ film sibnihom u għadhom hawnekk ukoll.
Madankollu, l-iktar li jolqtu l-għajn huma ż-żewġ projectors antiki li kienu juru dawn il-films, u li skont Agius, għal dak-żmien kienu jqumu flus kbar u li llum hija raritá ssib iktar bħalhom.
Kienet taħdem b’sistema ta’ faħam allura int għandek kurrent għaddej li jaqbad il-faħam, id-dawl li kien qed joħroġ mill-faħam qed jipproġetta l-istampa fuq wara tal-liżar.
Din il-Projection Room se tkun qed tinfetaħ għall-pubbliku f’Żejt iż-Żejtun. Festival Kulturali mimli b’attivitajiet u wirjiet differenti għall-pubbliku.
Ħa jkun hawn bosta wirjiet: arti, artiġjanat, pitturi, fotografija u ħa jkunu qegħdin imqassmin ġewwa l-każin tal-Għaqda Banda Żejtun u ovvjament apparti l-attivitajiet f’Żejt iż-Żejtun madwar iż-Żejtun kollu.
Żejt iż-Żejtun se jkun qed isir bejn id-29 u t-30 ta’ Settembru.