Għal dawk li l-annimali għalihom huma membru tal-familja, żgur mhux forsi li dan il-filmat jġibilhom qalbhom daqs ġunġliena. Filmat li ttieħed minn volontiera f’dar fejn iżommu annimali abbandunati fejn jixhed il-mument meta l-kelba Electra ntebħet li ġiet abbandunata għal dejjem.
Electra, kelba tar-razza Pitbull u li għandha madwar erba’ snin, ġiet abbandunata f’Pomona f’Kalifornja ftit tal-jiem ilu u issa qed tfittex familja li lesta tħobba mill-ġdid.
Il-filmat juri lil Electra b’wiċċ li jesprimi d-dwejjaq li bdiet tħoss u li anke jekk ma tkunx tifhem fil-klieb, xorta waħda ġġiegħelek tħoss id-dieqa tagħha.
Il-persuna li ġibdet il-filmat sostniet li hi ħadet dan il-fimat mhux b’gost u pjaċir imma għax dan kien mument li verament juri r-realtajiet li jgħaddu minnha l-annimali li jiġu abbandunati.