Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà saħaq li l-pulizija u l-Avukat Ġenerali jistgħu jressqu xi ħadd il-Qorti u jixluh b’akkużi fuq evidenza li hi ammissibbli fil-Qorti.
Dan ifisser li din l-evidenza ammissibbli fil-Qorti tkun waħda li l-persuna jkollha jew esperjenzat direttament.
Fi kliem ieħor dak li persuna jixhed u jgħid dak li sema’ m’għand ħaddieħor mhiex ġeneralment meqjusa bħala evidenza ammissibbli fil-Qorti u fuq hekk biss il-prosekuzzjoni ma tkunx tista’ tipprosekwixxi kontra persuna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija kien mistoqsi dwar persuni implikati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda hawn is-Sur Gafà rrefera għal li kien qal f’konferenza tal-aħbarijiet ftit ħin qabel tressqu l-Qorti l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż fuq l-involviment tagħhom fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia.
Il-Kummissarju tal-Pulizija kien qal li sa dak il-ħin, bl-evidenza li għandha f’idejha, il-pulizija ma kienx jirriżultalha li hemm xi politiku involut f’xi omiċidju.
Is-Sur Gafà qal li hu mhux jidħol fil-mertu tal-ebda każ.
Irrimarka li hemm task force li ilha mwaqqfa mill-2017 li tikkordina mal-Europol u l-ħidma tagħha baqgħet għaddejja.
Saħaq li bir-rappurtaġġ li ħareġ fl-aħħar ġimgħat dwar l-omiċidji li seħħew, il-pulizija baqgħet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.