M’hiex l-akbar festa tal-Knisja Kattolika imma hija festa li tiġi ċċelebrata wkoll b’pompa kbira speċjalment fil-lejl qaddis tal-Milied.
F’dawn iż-żminijiet tal-festi żorna waħda mill-knejjes sbieħ li għandna f’pajjiżna, dik ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa.
Hemm hekk sibna lill-Kappillan Dun Michael Zammit u numru ta’ voluntiera jagħtu libsa ta’ festa lill-Knisja.
Il-Kappillan spjegalna kif il-Knisja tidħol fl-ispirtu tal-Milied.
Dun Michael Zammit qal li “Fil-Milied niċċelebraw it-twelid ta’ sidna Ġesù Kristu li jġib il-ferħ mingħajr ma trid. Anki min forsi jkun għaddej minn mument diffiċli jew ta’ sfida fil-ħajja mingħajr ma jrid fil-Milied jifraħ bit-twelid ta’ sidna Ġesù Kristuu l-Knisja wkoll tifraħ bit-tiżjin bħal kull festa, kif għedt inti fil-Milied inżejnu għal din l-okkażjoni.”
Wieħed mill-volontiera qalilna kif il-preparamenti jibdew minn kmieni hekk kif id-damask ikun diġa armat għall-festa liturġika ta’ Sant’Andrija li tiġi f’Novembru.
Barra l-Knisja, fuq iz-zuntier sibna wkoll volontier ieħor jarma presepju.
Interessanti li ġewwa l-Knisja ta’ Ħal Luqa hemm l-uniku kwadru ddedikat lil ġrajja tal-Milied f’Malta.
Xogħol ta’ Ġużeppi Cali, il-Knisja ta’ Ħal Luqa hija mogħnija b’għadd ta’ opri li bit-tiżjin tal-Milied tassew jidhru isbaħ fi żmien tal-festa tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.