Nirien fil-Katidral ta’ San Pietru u San Pawl f’Nantes fi Franza kmieni s-Sibt filgħodu, huma maħsuba li tqabbdu apposta.
In-nar, li tkebbes fi tliet postijiet differenti, qered kompletament il-ħġieġ u l-orgni li jmur lura għas-seklu ħmistax.
Il-Prosekuzjoni Franċiża qed tittratta dan il-każ bħala att kriminali.
Din mhix l-ewwel darba li dan il-katidral ġarrab ħsarat kbar. Fosthom fit-Tieni Gwerra Dinjija kawża tal-bombi u fl-1972 meta s-saqaf kien waqa’ minħabba nirien.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron kiteb fuq Twitter li wara n-Notre Dame f’Pariġi ftit aktar minn sena ilu, issa l-Katidral ta’ San Pietru u San Pawl ukoll spiċċa f’xena simili, u rringrazzja lil madwar mitt pumpier li għenu biex ikkontrollaw in-nirien u jsalvaw din il-ġawhra gotika.