Quddiem mistoqsijiet tal-ġurnalisti barra l-berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-messaġġ li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista juri b’mod ċar li għall-Oppożizzjoni, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ifisser li jdaħħluhom u jużawhom għal-logħob partiġġjan.
Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jemmnu ħadd wara li Bernard Grech ried ipinġi storja li Dr Abela instiga tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat biex jumiljah.
Il-Prim Ministru tenna l-fiduċja fl-istituzzjonijiet iżda saħaq li bħala Kap tal-Gvern huwa fid-dover tiegħu li jitkellem fejn iħoss li hemm nuqqas ta’ proporzjonalità bejn ir-riċerka għall-verità u l-mezzi użati.
Saħaq li hawn qed jirreferi dwar għala l-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella kellha taħtaf il-mobiles ta’ wlied Dr Muscat.
Il-Prim Ministru saħaq li l-messaġġ konsistenti ta’ dan il-Gvern dejjem kien li ħadd mhuwa ’l fuq mil-liġi u kulħadd irid jiġi trattat l-istess u ħadd ma għandu jiġi trattat b’mod iżjed rigoruż għax xi darba kien jokkupa kariga.
Dr Abela rrimarka li Joseph Muscat għandu dritt jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu.
Mistoqsi kienx jaf minn qabel bit-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru, Dr Robert Abela wieġeb b’mod skjett li jkun aħjar li din il-mistoqsija jweġibha d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li b’dak li kiteb fuq il-midja soċjali l-Ħadd, deher ċar li kien jaf x’se jiġri, anki jekk ma kellux dritt ikun jaf, minħabba li lanqas jokkupa kariga Kostituzzjonali.
Il-Prim Ministru wieġeb ukoll għan-nuqqas ta’ preżenza tiegħu fid-Dubai Expo u qal li din ma għandniex x’taqsam b’rabta mal-iżviluppi li kien mistoqsi dwarhom u spjega kif huwa kien fi Strasburgu jsellem il-memorja ta’ David Sassoli li miet il-ġimgħa li għaddiet wara li kien President tal-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li fil-ħidma tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom iħarsu lejn prinċipju ewlieni biss, ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u li ma jħallu lil ħadd jużahom għal għan ieħor.