Il-Ministru Ian Borg żar il-helicopter Leonardo AW109SP li jġorr in-numru tas-serje 22292, li għadu kif ġie rreġistrat u ċertifikat mir-reġistru tal-avjazzjoni Malti u li se jkun operat minn Helicopter Services Malta Ltd. Dan hu l-ħames helicopter fuq ir-reġistru Malti u mistennija jiġu ċertifikati tliet helicopters oħrajn jew aktar fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Borg bi pjaċir innota li r-reġistru tal-avjazzjoni Malti ssaħħaħ ġmielu matul l-aħħar snin u stabbilixxa ruħu bħala wieħed stabbli u b’saħħtu fid-dinja tal-avjazzjoni. Fil-fatt, sal-aħħar tal-2017, ir-reġistru kellu fi ħdanu ’l fuq minn 260 ajruplan, figura li rduppjat minn dik tal-2012.
Fl-2017 biss ġew irreġistrati 52 ajruplan ġdid. Ir-reġistru jkopri varjetà ta’ ajruplani u Transport Malta kienet l-ewwel entità li rreġistrat ajruplan tat-tip Sukhoi Superjet 100 fl-Unjoni Ewropea.
L-istil dinamiku tar-reġistru, il-liġijiet sodi, in-numru ta’ inċentivi fiskali u l-istat ta’ Malta bħala firmatarja ta’ Cape Town – li toffri livell għoli ta’ sigurtà u ta’ serħan il-moħħ jaghmel lil Malta l-għażla naturali għal bosta sidien tal-ajruplani. Il-Ministru Borg qal li dan hu sors ieħor ta’ kburija u suċċess għal Malta u rridu nkomplu nkabbruh.