Il-Gvern se jkun qed iġedded mill-ġdid l-iskema ta’ tfaddil tal-Gvern ta’ bonds għall-anzjani ta’ 62 sena jew aktar.
Dik magħrufa aħjar bħala s-62+ Government Saving Bonds.
Ħabbar dan il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-Budget 2022 bit-tema “X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek.”
Fil-fatt, b’rabta mat-tiġdid ta’ din l-iskema l-Ministru Clyde Caruana spjega kif b’kollox se jkunu allokati €65 miljun.
F’każ li ddomanda tinqabeż bħalma ġara anke fl-aħħar snin minħabba l-popolarità ta’ din l-iskema, se jkun hemm €35 miljun oħra allokati għal totall ta’ €100 miljun.
B’hekk b’kollox għal din l-iskema fuq medda ta’ ħames snin, il-Gvern se jkun ħareġ kważi nofs biljun ewro.
Din l-iskema se tkun qed toffri rata ta’ 3% għal totall ta’ ħames snin bil-pagamenti jsiru kull sitt xhur.
Il-minimu li jista’ jinxtara huwa ta’ €500 u l-massimu huwa ta’ €10,000.
Il-Ministru Clyde Caruana spjega kif l-ewwel anzjani li se jingħataw preferenza huma dawk li qatt ma xtraw dawn il-bonds.
Intant minn għada ’l fuq minn 26,000 persuna li għandhom il-bonds eżistenti se jibdew jirċievu ittra d-dar bid-dettalji flimkien mal-applikazzjoni l-ġdida għall-bonds.
Dawk li għadhom qatt ma applikaw għal dawn il-bonds jistgħu jagħmlu dan billi jmorru f’xi fergħa tal-banek lokali jew għand il-brokers tagħhom.