Il-ġenituri tat-tifel li ftit ġimgħat ilu deher f’filmat jagħti daqqiet ta’ ponn u sieq lil tifla tal-iskola medja tan-Naxxar li tagħmel parti mill-Kulleġġ Maria Reġina, se jkunu qed jitressqu l-Qorti. Dan sostnietu l-Ispettur Gabria Gatt f’intervista ma’ ONE News.
Dan l-istazzjon huwa nfurmat ukoll li t-tifel huwa wieħed minn bosta tfal li allegatament dehru f’filmati fil-Qawra armati bi skieken u jintimidaw ir-residenti.
F’intervista ma’ ONE News, l-Ispettur Gabria Gatt stqarret li l-ħidma sabiex jitressqu l-ġenituri tat-tifel il-Qorti bdiet mill-mument li ħareġ il-filmat fuq il-midja soċjali hekk kif il-pulizija bdiet tinvestiga.
“Wara li bagħtna lit-tfal kollha u lill-ġenituri tagħhom, ħarġu iktar każijiet waqt li qed inkellmu lill-istess tfal, li jkunu vittmi huma stess, u sirna nafu b’aktar tfal u aktar minuri, fejn bagħtna għalihom ukoll u kellimnihom rigward l-inċidenti li kienu qed jinqalgħu.”
L-Ispettur Gatt spjegat kif ix-xogħol tal-Pulizija dwar il-bullying jinvolvi wkoll miżuri ta’ prevenzjoni.
“Niltaqgħu ħafna ma’ NGOs u stakeholders li jiġu magħna ġewwa l-iskejjel biex flimkien nitkellmu ma dawn iż-żgħażagħ ukoll. Hemm Aġenzija Żgħażagħ naħdmu ħafna magħhhom, bħalissa qed naħdmu ħafna mal-FSWS biex insibu soluzzjoni waħda komuni għall-iskejjel kollha, biex inkunu nistgħu inkellmuhom u nagħtu ħafna attenzjoni lil dawn it-tfal.”
L-Ispettur Gatt stqarret ma’ dan l-istazzjon kif jekk dawn il-problemi f’età żgħira ma jiġux indirizzati, ikun hemm possibilità akbar li l-irġiel u n-nisa ta’ għada pitgħada jxellfu difrejhom mal-ġustizzja.
Hija għamlet appell biex in-nies jirrappurtaw kwalunkwe tip ta’ bullying.
“Jien nappella biex min jaf jew min għaddej minn dan it-tip ta’ bullying, jagħmel dejjem rapport l-għassa. Illum il-ġurnata kif spjegajt, hemm il-Community Policing barra fit-triq, jiġifieri l-Pulizija jafu min hu, għandhom mobile number apposta provdut, l-importanti hu li javviċinawna biex inkunu nistgħu ngħinuhom.”