F’ġurnata b’temp mill-isbaħ, il-Bormliżi ċċelebraw il-festa titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Mijiet ta’ persuni mlew il-Knisja Arċipretali ta’ Bormla għall-quddiesa solenni.
Xi ħaġa li tispikka f’din il-belt fil-qalba tal-Kottonera hija l-attendenza tal-Bormliżi għal festi nterni li jsiru b’pompa kbira, frott id-devozzjoni tagħhom lejn omm Alla.
Mark Agius, Bormliż, qal “Iva ħafna n-Novena hu, li għal disa t’ijiem sħaħ tibda fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu, il-ħruġ min-niċċa li jkun kbir daqs it-8 ta’ Diċembru u llum inkunu qed nistennewha, aħna l-importanti li toħroġ l-Immakulata… dik l-ewwel”Sbatax-il jum qabel il-Milied, id-dilettanti jsostnu li l-ebda armar tal-Milied ma jintrama qabel il-festa.
Is-Segretarju tal-Festa, Matthew Tonna qal “Il-Milied mhux b’saħħtu Bormla, ovvjament Diċembru huwa xahar sħiħ għaddejjin it-toroq jintramaw ħafna mid-dawl jibqa mill-Festa imma tinduna li l-atmosfera mhux daqs postijiet oħra, l-Immakulata tisraq l-attenzjoni kollha.”
Din hi l-ewwel sena li l-festa saret bl-istatwa rrestawrata. Restawr li kixef il-kuluri oriġinali tal-bidu tas-seklu għoxrin.
Qal “iva kienet naqra xokk, li tarha kif inhi pero meta tkellimt mall-Arċipriet qalli int dejjem hekk tafha allura vera se taraha differenti, imma nemmen li biż-żmien se tindara u diġà rajna l-kambjament mill-inawgurazzjoni l’hawn.”
Persuna oħra qalet “Għalija m’hemmx kontroversja, għalija kienet, għadha u tibqa’ sabiħa hi x’inhi u kif inhi, jien anke fid-dlam naraha sabiħa aħseb u ara fid-dawl. Kemm l-inkwatru u l-istatwa t-tnejn ġew sbieħ prosit lil kulħadd għax kienu suċċess it-tnejn li huma”
Wieħed mir-reffiegħa tkellem dwar l-unur li jesperjenza kull darba li jerfa’ l-istatwa.
Johann Cini, reffiegħ, qal “L-ewwel ħaġa hu unur kbir ħafna li terfgħa fil-Kunċizzjoni u eċittament kbir għax statwa hi għal qalbna ħafna l-aktar meta toħroġ mill-bieb tal-Knisja għax inizluwa fuq l-idejn.”
Għall-quddiesa solenni tas-Sibt filgħodu attendew diversi Ministri u deputati miż-żewġ naħat tal-kamra.
Fil-Paniġierku Patri Martin Coleiro kkowta lill-Papa Franġisku – li qal li ma nistgħux inkunu spiritwalment korrotti meta mmorru l-knisja iżda mbagħad ngħixu ħajja mod ieħor, fost oħrajn niġġudikaw lin-nies u nikklasifikaw il-persuni. Temm jgħid li Bormliż devot lejn l-Immakulata huwa dak li jgħin lill-ħaddiem u liż-żgħir.