Inxtegħel uffiċjalment id-dawl festiv fil-Belt Valletta, sabiex fil-jiem ta’ festi tal-Milied idawwal it-toroq prinċipali tal-Kapitali Maltija, fosthom Triq ir-Repubblika u Triq Merkanti.
L-eluf ta’ Maltin, Għawdxin kif ukoll turisti li ser iżuru l-Belt f’dan iż-żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjonijiet ser jaraw quddiem għajnejnhom dawl ikkulurit u mill-isbaħ ferm differenti minn dak tas-snin ta’ qabel.
Is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit, qal kif ma jistax ma jiġix il-Milied u ma tiġix il-Belt Valletta.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef, qal kif l-idea li l-Milied jiġi ċċelebrat kmieni ntlaqgħet ferm pożittiv mill-pubbliku.
Qal kif id-dawl jirrispetta l-aspett arkitektoniku tal-Kapitali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, qal li permezz tal-ħidma tal-Aġenzija għall-Belt Valletta qed tiġbed eluf ta’ nies lejn il-kapitali.
Il-pubbliku issa huwa mistieden jattendi għall-mixegħla tas-siġra tal-Milied li se tkun qed iżżejjen Pjazza Kastilja tul il-ġimgħat li ġejjin.
Din hija l-ewwel fost l-inizjattivi tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal żmien il-Milied għal din is-sena, bl-isem ta’ ‘Christmas in the City’. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għall-mixegħla tas-siġra tal-Milied ġewwa l-Belt Valletta li se tkun qed iżżejjen Pjazza Kastilja tul il-ġimgħat li ġejjin. Din se ssir nhar it-Tnejn 25 ta’ Novembru fil-17.30.