Hekk kif daqqu d-disgħa ta’ filgħaxija, illejla fil-Birgu saret il-begigga, tradizzjoni antika fil-belt rebbieħa.
F’Sibt il-Għid, ftit wara li fil-Knisja tiġi intunata l-‘Hallelujah’, is-sinjal li Kristu qam mill-imwiet, b’mod spontanju, il-Ġirbin joħorġu jdoqqu fil-pjazzez u jagħmlu kull storbju.
Din is-sena, minħabba l-pandemija, il-begigga saret xorta iżda b’differenza.
Persuna waħda ħarġet f’misraħ ir-rebħa tgħajjat u ddoqq u n-nies ħarġu fil-gallariji jdoqqu u xegħlu d-dwal.
Ma naqsux id-daqqijiet tal-ħornijiet u anki min ta fuq il-borom biex iżomm din it-tradizzjoni ħajja anki f’dawn iċ-ċirkostanzi waqt l-imxija tal-Coronavirus.
Il-begigga nibtet wara li raġel b’dan il-laqam, insterqitlu l-mogħża lejliet l-Għid, u t-tfal tal-Birgu kienu ħarġu jkantaw u jdoqqu t-tanbur wara l-quddies ta’ Sibt il-Għid.