Waqt konferenza, tħabbar li matul il-lejl li għadda kien ikkonfermat li Neil Agius kiser ir-rekord dinji tal-itwal għawma.
Small island, big swim. Iktar minn seba’ snin jitħarreġ fl-isport tal-għawm. Mija u erbgħin kilometru. Tnejn u sittin siegħa ta’ għawm, bla waqfien ta’ xejn. Kien b’dan il-mod li l-għawwiem professjonali Neil Agius ta’ tmienja u tletin sena kiseb rekord dinji ta’ għawm madwar Malta, Għawdex u Kemmuna.
Mill-Bajja tal-Għadira, għal dawra ma’ Għawdex, sa Għar Lapsi. Riħ qawwi, b’ħalel għoljin żewġ metri f’baħar imqalleb. Żewġ iljieli t’għawm kontinwu u kesħa xxoqq il-għadam fid-dlam, tant li t-tim tiegħu, kien imħasseb ħafna minħabba li beda jiksaħ kmieni. Qalilna xi jfisser għalih u għal pajjiżna, dan ir-rekord dinji.
“Dan ix-xogħol kollu li ilni naħdem għalih, training iebes ħafna ,sagrifiċċji, li kellna suċċess għax kien hemm mumenti fejn forsi ma konnix ħa naslu imma bid-determinazzjoni wasalna fejn wasalna.”
NEIL AGIUS
Sabiex jinkiser ir-rekord, l-għawma f’baħar miftuħ, madwar il-gżejjer Maltin kellha regoli speċifiċi, fosthom li ma setax jilbes ilbies speċifiku tal-għawm u li fl-ebda ħin ma jmiss mad-dgħajsa li akkumpanjatu tul il-mawra kollha. Lil Neil Aguis tlabnih jgħidilna ma’ liema kienu id-diffikultajiet li ltaqa magħhom matul dan ir-rekord dinji.
“Kien ħafna bard, it-temp ma kienx favurina, il-kru kellu wkoll il-mumenti iebsin tagħhom u kien hemm ħinijiet li f’moħħi ħsibt li ma kontx se nasal. Dawn kollha jakkumulaw u tkun iebsa biex tkompli imma bid-determinazzjoni wasalna.”
NEIL AGIUS
Waqtiet minnhom it-tim ta’ 29 persuna, kollha esperti fl-oqsma tagħhom, ħasbu li saħansitra jibdlu r-rotta li Neil Agius kellu jgħaddi minnha.
“Iddeċidejt li nżommu ir-rotta li konna ddeċidejna għax hekk konna għedna li ħa nagħmlu, allura ridna nagħmlu kif għedna, u mhux nieħdu l-iktar rotta ħafifa.”
NEIL AGIUS
Tlabna lil Neil Agius jgħidilna għadx nerġgħu narawh jikser ir-rekord tiegħu stess.
“Mhux se ngħid iva u lanqas le, għadu kmieni ħafna. Bħalissa irrid nerġa niġi lura għan-normalità ta’ ħajja, fejn noħorġu ftit, iktar socially, naħdmu it-team building activities għall-kumpaniji, għan-nies, cold water, meditazzjoni, breath work.”
NEIL AGIUS